Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, FL-OKKAŻJONI TA’ L-INAWGURAZZJONI TAT-TMIENJA U ERBGĦIN EDIZZJONI TAL-FIERA INTERNAZZJONALI TA’ MALTA . IT-TLIETA 28 TA’ ĠUNJU 2005

PR0977
Date Icon 28/06/2005

Din is-sena l-inawgurazzjoni tal-Fiera Internazzjonali ta’ Malta , qiegħda isseħħ f’kuntest partikulari ħafna.  

Din it-48 edizzjoni tal-fiera qed isseħħ sewwa sew sena wara s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Qed isseħħ f’kuntest ta’ proċess intensiv ta’ ristrutturazzjoni li l-Gvern li jiena mmexxi daħal għalih bl-akbar determinazzjoni.  Qed isseħħ ukoll f’kuntest ekonomiku li għaddej minn kompetizzjoni qalila ġejja minn swieq barranin taħt id-dell ta’ prezz taż-żejt li għal raġunijiet differenti qiegħed ikompli jiżdied donnu bla ebda rażan.  Qed isseħħ ukoll f’mument fejn – jekk naħdmu tajjeb u bil-għaqal – nistgħu naħtfu opportunità biex din il-Fiera tikber u tisaħħah u tkun ferm aktar attrezzata biex tirrispondi għal bżonnijiet ta’ pajjiżna.

Ippermettuli nespandi ftit fuq dawn l-punti.

Għaddiet sena mis-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea.  Sena li fiha bdejna ngawdu mill-fondi strutturali u ta’ koeżjoni li qegħdin jgħinuna biex nidħlu għall-bidliet li bilfors irridu nidħlu għalihom.  Qegħdin nikkonċentraw fuq tliet oqsma ewlenin : il-qasam ekonomiku, il-qasam edukattiv u l-qasam ambjentali.  Fit-tliet oqsma, dħalna għal programmi u inizjattivi li qatt ma rajna bħalhom.

M’għandix ghalfejn nidħol fid-dettal ta’ kull ma qed nagħmlu fil-qasam edukattiv u ambjentali.  Biżżejjed ngħid li l-programm ta’ bini ta’ skejjel li għaddejjin bih ser ikun swielna ‘l fuq minn Lm 75 miljun, filwaqt li f’dak ambjentali qegħdin ninvestu biex mhux biss inwelldu infrastruttura ġdida u moderna li tilħaq l-għola livelli ewropej, imma qegħdin ninvestu biex inbiddlu kultura u mentalità.

Imma rrid ngħid żewg kelmiet fuq dak li qegħdin nagħmlu fil-qasam ekonomiku.  Hawnhekk ikkonċentrajna fuq żewġ objettivi.  L-ewwel objettiv huwa t-titjib tas-settur pubbliku.  Ridna li nkomplu bil-proċess ta’ ristrutturazzjoni, modernizzar u konsolidament ta’ dan is-settur.  Biex nilħqu dan il-għan qegħdin inwettqu politika ta’ kontroll assolut fuq’ impjiegi ġodda mal-gvern kif ukoll insistenza qawwija fuq flessibbilità sabiex ħaddiema żejda minn settur jimxu għal setturi fejn għandna aktar bżonnhom u fejn jistgħu jkunu ħafna aktar produttivi.  Fl-istess ħin għaddejjin bin-negozjati biex nikkonkludu l-ftehim kollettiv il-ġdid għas-Settur Pubbliku kollu b’mod li jkun jaqbel mal-qagħda ekonomika ta’ pajjiżna u ma’ l-isfidi li għandna quddiemna.

Ikkonċentrajna fuq it-tlestija tal-proġetti kapitali l-kbar – fosthom l-isptar Mater Dei b’mod li jkollna data fissa u prezz fiss sa meta jitlesta – jiġifieri 1 ta’ Lulju 2007.  Sadanittant użajna l-flus mill-protokoll Taljan biex nibdew numru kbir ta’ proġetti ħalli nimmodernizzaw it-toroq tagħna bl-infrastruttura kollha li hemm bżonn mhux biss biex iċ-ċittadin jinqeda aħjar, imma wkoll biex l-ekonomija tagħna tkun tista tiffunzjona aħjar.  Il-qabża kbira ta’ kwalità hawnhekk diġà bdiet tidher u tinħass u dan mhux biss minħabba l-kwalità tax-xogħol, imma għaliex qegħdin ninsistu li x-xogħol jitlesta on time u on budget.

Qegħdin ukoll nimxu b’pass imgħaġġel, imma wkoll bi ħsieb fil-programm ta’ privatizzazzjoni li ħabbarna fil-budget.  L-iskop tagħna huwa li l-Gvern ma jindaħalx fejn ma jesgħux u, fejn il-privat jista’ jinvesti hu u jagħti servizz aħjar, allura inħallu lil privat jimrah b’regoli li jorbtuh biex jagħti s-servizzi li pajjiżna għandu bżonn.  M’aħniex Gvern li ngħixu bl-illużjonijiet jew bin-nostalġija tal-passat.  Dak li għandu jinbidel irid jinbidel u m’aħniex ser naċċettaw li nirrassenjaw lil pajjiżna għal politika ta’ sussidju lil setturi pubbliċi li m’ humiex kapaċi jirrispondu għar-realtajiet tal-lum.  M’inhix lest li nissussidja l-biżgħa tal-bidla.  It-taxxi li l-poplu jħallas qegħdin hemm biex nimxu ‘l-quddiem, mhux biex nissikkaw il-mażżri li għandna ma’ saqajna.

It-tieni objettiv huwa l-inċentivar tas-settur privat.  Minn naħa tagħna għaddejjin b’ritmu qawwi biex nippruvaw nissimplifikaw l-interface bejn il-Gvern u l-privat.  Għalhekk qegħdin inżidu s-servizzi tal-gvern elettroniku fejn għamilna passi kbar ‘l quddiem.  Imma rridu nkomplu inneħħu l-burokrazija u l-ineffiċjenzi li għandna fis-sistemi tagħna.

Sadanittant, qegħdin nagħtu importanza kbira lis-setturi ewlenin tal-ekonomija tagħna.

Fil-qasam tal-manifattura mhux biss qegħdin nibnu fabbriki ġodda imma rridu ninċentivaw aktar investiment barrani fis-settur industrijali speċjalment fis-setturi li għandna llum f’pajjiżna u li qegħdin jirbħu l-kompetizzjoni qalila li hemm mad-dinja.  Hawnhekk irridu insaħħu l-mezzi kollha li għandna biex jiżviluppa l-qasam ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni.  Qegħdin ukoll nagħtu l-attenzjoni kollha meħtieġa biex niġbdu lejn pajjiżna fabbriki ġodda fin-niċeċ kollha li identifikajna bħala prijorità, inkluż dak farmaċewtiku fejn qiegħed jiġi reġistrat progress sostanzjali.

Fil-qasam tas-servizzi finanzjarji l-ħidma tagħna tibqa’ dik li niggarantixxu li Malta tkun l-aktar post attrajenti b’infrastruttura legali li hi ta’ l-għola kwalità, servizz effiċjenti u vantaġġi finanzjarji għal min jistabbilixxi ruħu hawnhekk.

Fil-qasam tat-turiżmu, għamilna miri ambizzjużi għalina nfusna.  Hawn ukoll għandna sfidi kbar u rridu nużaw kull lira li ninvestu biex niġbdu lejn pajjiżna t-turiżmu li għandna bżonn.  Imma anke hawn irridu noqgħodu attenti.  Il-Gvern li jiena mmexxi qiegħed jinvesti l-miljuni biex niġbdu t-turisti lejn xtutna.  Imma ma rridux u m’ aħniex ser inħallu dawn il-miljuni jinħlew għaliex tat-taxi ma jieħux ħsieb lit-turist, jew il-waiter jittratta lit-turist qiesu qed jagħmillu pjaċir, jew is-sid tal-kjosk jiċċarġja aktar milli suppost, jew għaliex ikun hemm min iħammeġ u jħassar l-ambjent bi traskuraġni jew b’vendikazzjoni.

F’dan il-qasam l-iżvilupp tat-turiżmu permezz tal-cruises li jidħlu jew jitilqu minn Malta , hija fost il-prijoritajiet li għandna.  Niehu pjaċir li l-proġett tal-VISET għaddej b’ritmu tajjeb u dan jinkoraġġina biex nesploraw anke l-possibbilità ta’ espansjoni tal-viżjoni ta’ dan il-proġett.

X’inhu r-riżultat li rreġistrajna sal-lum ?  Qabel xejn infakkar li għalaqna s-sena 2004 bil-miri tad-deficit milħuq anke jekk kellna nassorbu nfieq li ma kienx gie ppjanat.  Anke din is-sena determinati li naslu għal miri stabbiliti skond il-pjan ta’ konverġenza.  Qegħdin f’nofs is-sena finanzjarja u għandna ċ-ċifri għall-ewwel ħames xhur.  S’issa jidher li mexjin skond il-budgets stabbiliti – anzi qiegħed jirriżulta dħul akbar milli proġettat mill-VAT – sinjal ċar li l-konsum għadu għaddej b’ritmu tajjeb.  In-nefqa tal-gvern qed tkun ikkontrollata, tant li l-ispiża għal pagi fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena hi Lm 4 miljuni anqas milli kienet fl-2003 – tnaqqis ta’ 5%.

It-tkabbir ekonomiku jibqa’ l-mira ewlenija tagħna.  Hawnhekk l-isfida li għandna quddiemna hi kumplikata bil-fatt li l-kejl ta’ dan it-tkabbir isir billi, fost fatturi oħra, tittieħed in-konsiderazzjoni n-nefqa tal-Gvern .  Hu ovvju allura illi fejn il-Gvern qiegħed inaqqas l-ispiża tiegħu mingħajr ma jkun hemm żieda f’oqsma oħra, dan iħalli l-effett negattiv fuq iċ-ċifra finali li toħroġ.  Biżżejjed ngħid li skond l-aħħar pubblikazzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, f’termini reali, n-nefqa fil-konsum tal-Gvern naqset b’5.6% imqabbel ma’ l-istess perjodu s-sena l-oħra.

L-esportazzjoni ta’ pajjiżna għalhekk, takkwista importanza anke akbar għaliex hi trid tagħmel tajjeb għat-tnaqqis ta’ l-infieq tal-Gvern.  Hawnhekk qegħdin insegwu mill-qrib l-iżviluppi kollha li qed iseħħu u għandna indikazzjonijiet li s-sitwazzjoni għandha titjieb fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-qagħad irreġistra tnaqqis sostanzjali.  L-aħħar ċifri juru li sa jumejn ilu, in-numru ta’ dawk li jirreġistraw fl-ewwel parti kien naqas għal taħt is-6,500.  Dan ifisser li hemm kważi 1000 ruħ anqas jirreġistraw milli kellna fl-ewwel ġimgħa ta’ Jannar ta’ din is-sena.  Titjib ta’ din l-entità kellna biss fis-sena 1995 u fis-sena 2000.   Meta tqis li l-ekonomija tagħna qed ikollha tassorbi lil dawk li jispiċċaw mix-xogħol minħabba ristrutturazzjoni kemm fis-Settur Pubbliku, kif ukoll fis-settur privat, allura l-interpretazzjoni ta’ dawn iċ-ċifri bilfors tkun aktar pożittiva.

Dan kollu jfisser li filwaqt li sa sentejn ilu konna f’salib it-toroq, illum imxejna biċċa ġmielha tat-triq. Dan ma jfissirx li kollox hu ward u żgħar. Il-prezz taż-żejt dejjem tiela’ ikompli jkun xkiel għall-iżvilupp tagħna – forsi għalina aktar milli għal oħrajn għaliex l-ekonomija tagħna hi miftuħa beraħ u tiddependi minn dak li qiegħed jiġri fis-swieq barranin.  Imma anke din l-isfida tintrebaħ jekk kulħadd jagħti sehemu.

U hawn niġi għal punt li semmejt fl-introduzzjoni tiegħi.  Din l-edizzjoni tal-Fiera Internazzjonali qed isseħħ ukoll f’mument kritiku għall-Korporazzjoni tal-Fieri.  Huwa importanti li f’dan il-mument jittieħdu d-deċiżjonijiet it-tajbin biex din l-attività tkompli tkun xprun għal ħidma kummerċjali u ekonomika f’pajjiżna bħal ma dejjem kienet.  Iż-żmien għaddej u flimkien irridu nsibu x’għandha tkun l-aħjar triq għal pajjiżna.

Il-parametri f’moħħi huma ċari.  Irrid li din l-attività kummerċjali tkompli tiżviluppa b’mod li hi wkoll tirrispondi għal bżonnijiet ta’ pajjiżna.  Irid jinstab post ġdid għall-Fiera Internazzjonali li taqdi l-bżonnijiet kollha ta’ pajjiżna – nenfasizza l-kliem “il-bżonnijiet kollha”. B’dan infisser li fejn nistgħu nikkonsolidaw attivitajiet oħra li llum għandna f’pajjiżna u oħrajn li rridu niġbdu lejn pajjiżna – bħal servizzi akbar u aħjar għal konferenza internazzjonali – allura rridu nagħmlu hekk.  Is-soluzzjoni trid tkun waħda li tuża r-riżorsi limitati ta’ pajjiżna bl-aħjar mod u billi jinħolqu sinerġiji li sal-lum għadna m’ esplorajniex biżżejjed.

B’dan il-ħsieb inwassal l-awgurju tiegħi għas-suċċess lill-organizzaturi ta' din il-fiera li bi pjaċir kbir ninawgura biex tkun ukoll bħal rahan tas-suċċess ekonomiku tal-pajjiż fix-xhur u fis-snin li ġejjin.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow