MINN PAJJIŻI TA’ L-WTO U R-RI-INTRODUZZJONI TA’ KWOTI FUQ L-IMPORTAZZJONI TA’ CERTU DRAPPIJIET MIĊ-ĊINA
Is-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed jixtieq jinforma lill-importaturi kollha dwar tibdil li qed iseħħ f’ċerti proċeduri ta’ l-importazzjoni minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea. Numru ta’ kwoti temporanji ġew fis-seħħ fl-ewwel ta’ Mejju ta’l-2004 fuq drapp, azzar, żraben, ċeramika u porċellana li huma importati minn pajjiżi terzi. Mill-1 ta’ Jannar 2005 il-maġġoranza ta’ dawn il-miżuri tneħħew. Ġie pubblikat Avviż Legali (A.L. 230/2005) fil-21 ta’ Ġunju biex jiġu mplimentati dawn il-bidliet. Is-sitwazzjoni issa hija hekk:
Tessuti:
Il-kwoti fuq prodotti ta’ tessili mportati mill-Argentina, Bangladesh, Bosnija-Herzegovina, Brazil, Kambodia, Croazja, Hong Kong, Indonesja, India, Kazakhstan, Kyrgyzstan, Laos, Macau, Malasia, Moldova, Mongolia, Nepal, Filippini, Peru, Pakistan, Russja, Serbja, Singapore, Syria, Korea t’Isfel, Sri Lanka, Taiwan, Tajikistan, Thailandja, Turkmenistan, United Arab Emirates u l-Ukraina tneħħew kollha. Dan ifisser li liċenzji ta’ l-importazzjoni minn dawn il-pajjiżi mhux ser jibqgħu jintalbu.
Iżda, minn meta tneħħew dawn il-kwoti fl-1 ta’ Jannar 2005, l-importazzjoni ta’ prodotti tad-drapp li ġew importati miċ-Ċina fl-Unjoni Ewropea żdiedu b’mod drastiku. Din iż-żieda kellha impatt negattiv fuq il-manifatturi ta’ dan is-settur fl-UE. Dan wassal biex saru negozjati bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Ministeru għall-Kummerċ fiċ-Ċina, u ġie deċiż li jerġgħu jiddaħħlu miżuri restrittivi fuq l-importazzjoni ta’ ċertu prodotti. Il-kwoti fuq dawn il-prodotti ġew fis-seħħ mill-11 ta’ Ġunju 2005.
Meta importaturi japplikaw għal liċenzja ta’ l-importazzjoni, huma mitluba li jippreżentaw bill of lading u invoice, flimkien ma’ l-applikazzjoni għal liċenzja ta’ l-importazzjoni. Dawn iridu jiġu ppreżentati lid-Diviżjoni għall-Kummerċ, Taqsima ta’ Liċenzjar għall-Importazzjoni u Esportazzjoni, Direttorat għas-Servizzi ta’ Kummerċ, Lascaris, Valletta.
Intant, il-kwoti fuq tessuti li huma importati minn Belarus, Korea ta’ Fuq, Kosovo, Montenegro, Uzbekistan u l-Vjetnam, ser jibqgħu japplikaw għalissa. Iżda ntlaħaq ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvernijiet tal-Korea ta’ Fuq u l-Vietnam biex dawn il-kwoti jitneħħew mill-akter fis. Dan ser iseħħ meta l-ftehim jiġi ratifikat bejn dawn il-pajjiżi.
Żraben:
Il-kwoti fuq żraben importati miċ-Ċina tneħħew. Iżda ser jibqgħu jaqgħu taħt miżuri ta’ sorveljanza u ser jibqgħu soġġetti għal-liċenzja ta’ l-importazzjoni. Din il-liċenzja ta’ l-importazzjoni tingħata awtomatikament mingħajr ebda restrizzjoni.
Miżuri ta’ sorveljanza fuq żraben importati mill-Vietnam tneħħew u m’għadx hemm bżonn ta’ liċenzja ta’ l-importazzjoni.
Ċeramika u porċellana:
Il-kwoti fuq iċ-ċeramika u l-porċellana importati miċ-Ċina tneħħew u m’hemmx bżonn ta’ liċenzja ta’ l-importazzjoni fuq dawn il-prodotti.
Prodotti ta’ l-Azzar:
Ma kien hemm l-ebda tibdil fuq l-importazzjoni ta’ prodotti ta’ l-azzar minn pajjizi terzi. Fil-fatt, il-kwoti fuq prodotti ta’ l-azzar importati mir-Russja, l-Ukraina, u l-Kazakhstan ser jibqgħu japplikaw. Il-miżuri ta’ sorveljanza fuq prodotti mill-pajjizi l-oħra kollha ukoll ser jibqgħu japplikaw.
Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mid-Diviżjoni għall-Kummerċ, Taqsima ta’ Liċenzjar għall-Importazzjoni u Esportazzjoni, Direttorat għas-Servizzi ta’ Kummerċ, Lascaris, Valletta (Tel: 2124307, 21242270).
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946