TWEĠIBA GĦALL-KUMMENTI TAL-KAP TA’ L-OPPOŻIZZJONI DWAR IL-PORT TA’ BRINDISI U S-SEA MALTA
Wara li għal seba’ xhur sħaħ il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, l-Onor. Alfred Sant ma rrisponda xejn dwar l-assoċjazzjoni tiegħu ma’ l-investiment fi Brindisi, qiegħed issa jipprova jfixkel l-imħuħ billi jassoċja l-Port ta’ Brindisi mad-deċiżjoni tal-Gvern li jipprivatizza s-Sea Malta.
Għal darb’oħra l-Onor. Alfred Sant ipprova jaħbi u jgħawweġ il-fatti magħrufa:
· li kien il-Gvern tiegħu li ħareg bl-istrateġija ta’ l-investiment tal-Malta Freeport fil-Port ta’ Brindisi;
· li kien il-Ministru John Attard Montalto li ffirma l-ftehim inizjali mal-Comune ta’ Brindisi u li żgur ma kienx jagħmel hekk kieku hu jew il-Prim Ministru tiegħu ma kienux jaqblu li l-Malta Freeport jinvesti fil-Port ta’ Brindisi.
Li ġara fl-amministrazzjonijiet sussegwenti kien l-implimentazzjoni u l-kontinwazzjoni ta’dak il-ftehim, investiment li sfortunatament ma rrendiex kif ma rrendewx ħafna aktar investimenti ta’ gvernijiet immexxija mill-Partit Laburista fosthom uħud immexija mill-Onor. Sant stess. Dan kien spjegat ad nauseam f’diversi stqarrijiet li għamel il-Ministeru f’Novembru li għadda.
Il-kummenti tipiċi ta’ l-Onor. Alfred Sant rigward ħbieb ta’ membri tal-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista fil-pożizzjonijiet ta’ Chairmen m’għandhom validità qatt u żgur ma jistax ikollhom validità fil-każ tas-Sur Marin Hili. Is-Sur Hili ġie kkonfermat Chairman tal-Malta Freeport mill-Onor. Sant stess meta sar Prim Ministru u nżamm f’postu tul it-terminu kollu li Dr. Alfred Sant għamel bħala Prim Ministru. Jekk is-Sur Hili hu responsabbli għal investiment diżastruż għaliex l-Onor. Sant żammhu?
Konvenjentement, Dr. Alfred Sant nesa wkoll li l-Lm4 miljun li jirreferi għalihom ripetutament ma kinux “investiment ġdid” kif spjegajna mitt elf darba.
Fl-2004, il-Malta Freeport biddlet minn bank Taljan għall-Bank of Valletta il-finanzjament tas-self li għamlet Brindisi Terminal Italia biex tixtri l-makkinarju.
Dan biex ikun possibbli li s-self jitħallas b’pass aktar komdu għall-Malta Freeport ma’ bank lokali minflok ma’ wieħed barrani. Kulħadd jifhem li dan m’hux investiment ġdid!
Wieħed kien jistenna li l-Onor. Alfred Sant jikkummenta dwar il-fatt li s-Sea Malta tilfet kawża ta’ Lm450,000 fl-Ingilterra u li dawn il-flus se jkollha thallashom il-MIMCOL/MGI (jiġifieri l-Gvern). Kif jaf sew, hawn se tissaraf dik il-garanzija li ftit jiem ilu l-Onor. Sant stess qal li “ma tiswa xejn” għax flus il-poplu Malti se joħroġhom waħda fuq l-oħra! U jekk ma ssirx il-privatizzazzjoni hemm ħafna aktar garanziji simili li jkunu jridu jissarfu.
Dr. Alfred Sant jaf sew li – bħas-Sea Malta – il-Brindisi Terminal Italia qiegħda f’fażi delikata li fiha potenzjalment tinbiegħ lil operatur internazzjonali. Dr. Sant qiegħed għal darb’oħra jipprova jfixkel dawn il-proċessi bil-kummenti tiegħu imsejjsa fuq l-allegazzjonijiet.
Bħal m’għamel s’issa fil-każ tas-Sea Malta u bħal ma’ kien għamel ukoll fil-każ tal-Malta Freeport, l-Onor. Alfred Sant naqas li jieħu dawn l-allegazzjonijiet quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi u dejjem ipprefera li juża’ l-każini tal-Partit tiegħu bħala l-forum li permezz tiegħu jitratta materji daqs’hekk sensittivi bħal m’huma l-privatizzazzjonijiet ta’ dawn l-entitajiet pubbliċi.
Biex juri rispett lejn l-intelliġenza tal-poplu Malti, Dr. Sant għandu jressaq il-każ quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946