TWEĠIBA GĦAL DISKORS TAL-KAP TA’ L-OPPOŻIZZJONI TAS-26 TA’ ĠUNJU
Il-Kap ta’ l-Oppozizzjoni, l-Onor. Alfred Sant f’diskors li għamel nhar il-Ħadd 26 ta’ Ġunju, ipprova jipprovoka xi reazzjoni mill-Gvern billi jħawwad apposta l-kwistjonijiet u jqabbel fejn jaqbillu u jagħlaq għajnejh fejn ma jaqbillux.
Minflok l-attitudni sensazzjonalista u ‘taparsi skandalizzata’ ta’ Dr. Alfred Sant, il-Gvern se jillimita ruħu għal osservazzjonijiet importanti li Dr. Alfred Sant konvenjentement ħalla barra fid-diskors tiegħu tal-bieraħ.
Il-proċeduri parlamentari, llum jagħmlu lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni istituzzjoni nazzjonali b’poter reali li jġiegħel li jkun mistħarreġ kull suspett ta’ skorrettezza jew infieq m’hux galbat tal-fondi pubbliċi. Hu jista’ jistħarreġ is-suspetti tiegħu u jġiegħel li jkun pubblikat kull dokument jew iwieġeb mistoqsijiet kull uffiċjal li l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jidhirlu jistgħu jissostanzjaw dawk is-suspetti.
Il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi fil-Parlament huwa kontrollat mill-Oppożizzjoni u huwa għodda qawwija għat-tiftix tal-verità. U għax jaf x’inhi l-verità, Dr. Alfred Sant din l-għodda ma jridx jużaha.
Ma’ użahiex fil-każ ta’ l-investiment fil-Port ta’ Brindisi, ma użahiex fil-każ tal-privatizzazzjoni tal-Freeport, u għadu ma kkonfermax mingħajr ħafna ekwivoki li se jużaha fil-każ tas-Sea Malta.
Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni nfexx f’attakk personali fuq iċ-Chairman tal-MIMCOL, is-Sur Ivan Falzon, li huwa uffiċjal tal-Gvern fil-qasam ta’ l-investimenti pubbliċi. Bl-iskop li jiskreditaħ personalment, Dr. Alfred Sant il-bieraħ tkellem fuq kull ittra li ġġib isem is-Sur Ivan Falzon, li seta’ jsib; u bena minn ittri għal kollox innoċenti, kastell ta’ teoriji mmaġinarji.
Il-bejgħ ta’ l-art tal-Gvern f’Pender Place u Mercury House f’San Ġiljan, qed isir bħala parti mill-programm tal-Gvern li jisvesti ruħu minn assi li m’għandux għalfejn iżomm f’idejħ. M’hemm l-ebda raġuni strateġika għax sit importanti f’San Ġiljan, li għandu potenzjal għall-iżvilupp, jibqa’ jinżamm f’idejn il-Gvern. It-transazzjoni tal-bejgħ ta’ din l-art kienet forma sempliċi ta’ privatizzazzjoni li żgur ma setax kellha kumplikazzjonijiet, bħal: effett fuq impjiegi ta’ xi ħaddiema jew xi servizz essenzjali.
L-Onor. Alfred Sant huwa fundamentalment kontra l-privatizzazzjoni li anke l-bejgħ ta’ art wara sejħa pubblika għall-offerti u taħt proċess ta’ ‘development brief’ tal-MEPA, huwa għalih materja ta’ suspett. Dr. Alfred Sant irid li art f’qasam residenzjali u kummerċjali f’San Ġiljan tibqa’ f’idejn il-Gvern biex il-privat ma jkunx jista’ jiżviluppaha.
Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Dr. Alfred Sant żgur induna bis-sejħa pubblika għall-offerti għall-bejgħ ta’ din l-art. Żgur li kien jaf li għaddej proċess ta’ privatizzazzjoni, iżda bħal ma’ għamel fil-każ tas-Sea Malta, ħalla għall-aħħar nett tan-negozjati tal-bejgħ biex bi kliemu jagħmel sabutaġġ ta’ dan il-proċess. Għal Kap ta’ l-Oppożizzjoni, kull privatizzazzjoni, irrispettivament minn x’ikun qed jinbiegħ, hija opportunità biex jitfa’ t-tajn, joħloq id-dubju u s-suspett fejn m’hemmx bażi.
L-irbit ta’ dan it-transazzjoni mal-port ta’ Brindisi huwa superfiċjali għall-aħħar u żgur m’hux xi suġġett ta’ skandlu. Il-Gvern qed jiffinanzja l-infieq ta’ Brindisi permezz tal-MIMCOL, u allura parti mid-dħul li l-Gvern qed jistenna din is-sena mill-bejgħ ta’ l-art imsemmija, se jmur biex jiffinanzja dak l-infieq. Diffiċli wieħed jifhem x’jista’ jidher suspettuż minn dan il-fatt sempliċi!
Il-Gvern se jżomm ma’ l-impenn tiegħu fl-interess nazzjonali biex jirriserva l-kummenti tiegħu dwar stqarrijiet bla bażi dwar il-privatizzazzjoni tas-Sea Malta għal wara l-konklużjoni tan-negozjati tal-bejgħ.
Ta’ min izda jfakkar illi l-ħatra tas-sur Ivan Falzon bħala Chairman tas-Sea Malta kienet deċiżjoni mħabbra bħala temporanja sal-Laqgħa Ġenerali tal-kumpanija. Din il-ħatra kellha ssir minħabba r-riżenja ħabta u sabta tas-Sinjura Marlene Mizzi li fi kliemha għażlet li taqbad u titlaq għax ma taqbilx mal-privatizzazzjoni, xi 13-il xahar wara li l-Gvern ħabbar li ser jipprivatizza l-kumpanija.
Jekk il-Kap ta’ l-Oppozizzjoni, l-Onor. Alfred Sant għandu interess fil-verità, għandu jfittex il-verità fl-istituzzjonijiet li jippermettulu jsibha, bħal Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament, u m’hux fil-monologi tiegħu fejn huwa komdu għax ma jmerih ħadd.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946