RIŻULTATI TAJBIN TAL-JUNIOR LYCEUM
Ir-riżultati ta’ l-eżami ta’ din is-sena għad-dħul fil-Junior Lyceums li għadu kif ħareġ juru titjib ġenerali fuq is-snin l-imgħoddija. Minn 4,302 studenti, 2,600, jiġifieri 60.44%, għaddew mill-eżami fil-ħames suġġetti. Dan hu l-għola perċentwal ta’ studenti li qatt għaddew minn kemm ilu jsir l-eżami tal-Junior Lyceum.
Ir-riżultat jirrappreżenta qabża ta’ aktar minn sitt punti perċentwali (+6%) fuq is-sena l-oħra, u ta’ għaxar punti perċentwali (+10%) fuq ir-riżultati ta’ l-1995 għaxar snin ilu. Din is-sena għaddew 1,419 tifel u 1181 tifla, iżda wieħed josserva li ma hemmx differenza sinifikanti fil-persentaġġ bejn bniet u subien – difatti għaddew 60.62% subien u 60.22% bniet.
Filwaqt li s-sena li għaddiet kienu għaddew 2,377, din is-sena għaddew 223 tifel u tifla aktar. Metawieħed jifli r-riżultati u jipparagunahom ma’ tas-snin li għaddew, jidher ċar li filwaqt li n-numru ta’ bniet li għaddew mill-ħames suġġetti kien kostanti, in-numru ta’ subien li jġibu l-istess riżultat qiegħed jiżdied b’rata aktar għolja.
Tajjeb li wieħed ifakkar li, wara li reġgħu twelldu l-Junior Lyceums, fl-1982 qagħdu għall-ezami 5,270 tifel u tifla u għaddew biss 846 jew 16%. Fl-1985 għaddew 32% filwaqt li fl-1986 għaddew 35%. Fl-1992 għaddew 45%, fl-1995 għaddew 50%, fl-1998 għaddew 52%, fl-2002 54% u din is-sena l-persentaġġ tela’ għal aktar minn 60%. Id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni ħadmet flimkien ma’ l-iskejjel biex jitjiebu r-riżultati ta’ l-eżami filwaqt li jissaħħu l-istandards. Mit-total ta’ 4,302 studenti minn Malta u Għawdex li qagħdu għall-eżami din is-sena kien hemm 2,341 subien u 1,961 bniet. Fil-ġranet li ġejjin il-ġenituri ser ikunu jistgħu jaraw il-karti ikkoreġuti ta’ l-eżami ta’ uliedhom fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni u jitolbu reviżjoni tal-korrezzjoni jekk iħossu l-bżonn.
Għalkemm l-awtoritajiet edukattivi ma jkejlux il-progress u l-ħiliet ta’ l-istudenti biss bir-riżultati ta’ dan l-eżami, m’hemmx dubju li dan ir-riżultat tajjeb hu indikazzjoni ċara tat-titjib li seħħkostantament fuq firxa ta’ snin f’kull livell fis-sistema edukattiva f’pajjiżna b’riżultati kwantifikabbli, anke fi tmiem l-edukazzjoni primarja. Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea filwaqt li laqa` bil-ferħdan ir-rizultat, sostna li hu jibqa` impenjat biex jassigura l-aħjar edukazzjoni lit-tfal kollha, sew dawk li jmorru fil-Junior Lyceum kif ukoll lil dawk li jmorru fl-iskejjel sekondarji.
Id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni ssostni li l-introduzzjoni tal-Kurrikulu Nazzjonali fis-sena 2000 daħħlet arja u tat ħajja ġdida lill-qasam edukattiv, b’filosofija edukattiva, b’għanijiet speċifiċi, valuri u attitudnijiet ġodda. Il-politika ta’ edukazzjoni inklussiva qiegħda bil-mod il-mod, iżda b’mod tanġibbli, tbiddel il-kultura ta’ tagħlim indirizzat aktar lejn il-bżonnijiet ta’ l-individwu milli lejn il-klassi. Fl-istess ħin, l-iskejjel ngħataw aktar awtonomija biex imexxu lilhom infushom u jħejju l-Pjan ta’ Żvilupp tagħhom skond il-ħtiġiet partikolari ta’ l-istudenti. Il-programmi ta’ taħrig mill-ġdid u żvilupp professjonali ta’ l-għalliema qed ikollu effett posittiv fuq il-ħidma ta’ ħafna għalliema.
Jidher ċar li l-istudju li kien sar tal-litteriżmu fost it-tfal kollha fl-iskejjel biex imbagħad reġa’ sar studju ieħor fuq l-istess tfal tliet snin wara, xpruna titjib fil-litteriżmu u fit-tagħlim in ġenerali. Id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni kienet ħadet il-passi meħtieġa biex fl-iskejjel fejn ma kienx hemm riżultati sodisfaċenti jingħataw ir-riżorsi meħtieġa. Il-Complementary Teachers taw sehem importanti biex jitjieb il-litteriżmu b’mod ġenerali fl-iskejjel u b’hekk wisq anqas tfal jaqgħu lura.
It-twaqqif tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, bil-metodoloġija innovattiva u effettiva kif ukoll ir-riżorsi ġodda li ntroduċiet matul dawn l-aħħar snin, qed tħalli effetti pożittivi, aktar u aktar fejn qed issib il-kollaborazzjoni sħiħa mhux biss ta’ l-amministraturi u l-għalliema fl-iskejjel iżda wkoll tal-ġenituri li flimkien magħhom qed twettaq diversi programmi. Il-Fondazzjoni ħadmet ħafna ma’ skejjel li kellhom diffikultajiet, anke wara l-ħin ta’ l-iskola, biex ittejjeb il-qagħda tagħhom u jinkisbu riżultati inkoraġġanti.
Ħafna skejjel qegħdin iħaddmu metodi ġodda biex itejjbu t-tagħlim. M’hemmx dubju li anke l-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan tat-tekonologija ta’ l-informatika f’kull klassi f’kull skola primarja qed iħalli l-impatt pożittiv tiegħu.
Wieħed ma jistax ma josservax li l-karti ta’ l-eżami huma magħmulin b’mod professjonali ħafna u mħejjija b’mod li juru x’kapaċi jagħtu l-istudenti. Għalkemm huma karti ntiżi biex kull min jilħaq il-livell meħtieg jgħaddi, m’hemmx dubju li huma tal-livell mistenni li jintlaħaq fl-eta’ ta’ ħdax-il sena.
It-titjib ġenerali tal-bini fl-iskejjel li qed twettaq il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, iż-żieda fil-faċilitajiet u fir-riżorsi kif ukoll fis-servizzi kollha ukoll qed jikkontribwixxu għal titjib fil-kwalita’ ta’ l-edukazzjoni.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, Dr Louis Galea, irid jifraħ lit-tfal kollha li għaddew mill-eżami kif ukoll lill-ġenituri tagħhom. Huwa rringrazzja mill-qalb lill-għalliema tat-tfal kollha li qagħdu għal dan l-eżami għall-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom fit-tagħlim u l-iżvilupp ta’ dawn it-tfal. Il-Ministru fisser ukoll l-apprezzament tiegħu għall-ħidma sfieqa kemm ta’ l-amministraturi ta’ l-iskejjel kif ukoll il-mexxejja tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni.
Il-Ministru Galea qal li jifhem id-diżappunt ta’ l-istudenti li m’għaddewx u tal-ġenituri tagħhom, iżda nsista li għandhom jagħmlu kuraġġ u jkomplu jirsistu. Huwa fakkar li l-eżami tal-Junior Lyceum mhuwiex il-bidu u t-tmiem u ma jfissirx li t-tfal mhumiex bravi. “Illum aħna konxji aktar minn qatt qabel kemm it-tfal juru l-intelliġenza u l-ħiliet tagħhom u jitgħallmu u jiżviluppaw b’modi differenti. Hu għalhekk li l-Gvern qed ipoġġi l-edukazzjoni bħala waħda mill-akbar prioritajiet u qed jipproponi tisħiħ u tibdil fis-sistema kollha kemm hi. Fost ħwejjeg oħra, il-Gvern hu determinat li l-qagħda tat-tagħlim fl-iskejjel Sekondarji tkompli titjieb biex kull student, qiegħed f’liema skola qiegħed, jingħata l-attenzjoni li tixraqlu u li għandu bżonn. Fil-fatt, ir-riformi li qed jiġu ppjanati għandhom ikunu ta’ fejda kbira propju għall-istudenti li għandhom l-aktar ħtiega ta’ appoġġ.”
Il-Ministru Louis Galea fisser li filwaqt li kulħadd għandu jieħu gost bir-riżultat eċċezzjonali ta’ din is-sena, kulħadd għandu jibqa` b’saqajh fl-art biex jiġi assigurat li dan ma jkunx riżultat ta’ darba iżda jiġi konsolidat fix-xejra ta’ titjib minn sena għal oħra li qabdet l-edukazzjoni fl-aħħar snin. Il-Ministru Galea fakkar ukoll l-isforzi tal-Ministru ta’ l-Edukazzjoni l-Onor Evarist Bartolo li fis-sentejn li dam Ministru ħadem biex isaħħaħ is-sistema bi programmi u idejat ġodda fil-qasam tal-litteriżmu u tat-tagħlim fl-iskejjel primarji.
Il-Ministru Louis Galea jara fir-riżultat tal-Junior Lyceum sejħa qawwija biex insaħħu l-impenn tagħna għal aktar titjib fis-sistema edukattiva. “Jekk b’dak li qed nagħmlu s’issa nistgħu niksbu riżultat hekk tajjeb ma’ 60% ta’ l-istudenti, għandna ninsistu li nwettqu ir-riformi li hemm bżonn biex anke l-40% l-oħra ta’ l-istudenti nagħtuhom edukazzjoni li twassalhom għal suċċess sħiħ fil-ħajja. Fil-ġimgħat li ġejjin ser nibda nippubblika d-dokumenti bi proposti ta’ żviluppi fis-sistema f’kull livell wara analiżi kritika li wettqu diversi Gruppi ta’ Xogħol. Ir-riżultat li għadu kif tħabbar hu bidu posittiv għall-process ta’ diskussjoni u azzjoni biex inpoġġu sisien b’saħħithom għall-fażi li jmiss ta’ żvilupp biex l-edukazzjoni f’Malta u Għawdex tassigura li t-tfal kollha jagħmlu suċċess,” temm jgħid Louis Galea.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946