DISKORS MILL-ONOR. DOLORES CRISTINA, MINISTRU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETA’ SOĊJALI, FL-OKKAŻJONI TAS- SEDQA BINGE DRINKING AWARENESS CAMPAIGN 2005 “DON’T RISK IT” - SAN ĠILJAN - IL-ĠIMGĦA, 24 TA’ ĠUNJU 2005
DISKORS MILL-ONOR. DOLORES CRISTINA, MINISTRU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETA’ SOĊJALI, FL-OKKAŻJONI TAS- SEDQABINGE DRINKING AWARENESS CAMPAIGN 2005“DON’T RISK IT” - SAN ĠILJAN - IL-ĠIMGĦA, 24 TA’ ĠUNJU 2005
Huwa ta’ pjaċir għalija li għal darb’oħra, fi żmien qasir, qegħda nindirizza attività bil-għan li nqajmu kuxjenza dwar il-binge drinking. Flimkien ma’ l-aġenzija sedqa, qegħda nistieden lil dawk kollha preżenti, speċjalment lill-membri tal-media, biex jgħinuni jitwassal dan il-messaġġ.
Matul dawn l-aħħar ġimgħat, tqajmu diversi punti u ssemmew diversi fatturi dwar dan is-suġġett. Il-kampanja li qed tiġi mnedija llum għandha l-iskop li sservi biex toħroġ aktar fil-miftuħ il-perikli ta’ l-alkoħol bħala l-aktar sustanza li l-konsum tagħha qed jikber fost iż-żgħażagħ tagħna, u allura l-bżonn li nsiru aktar konxji ta’ l-abbuż tiegħu.
Jidher ċar li ħafna nies huma nkwetati bil-fatt li din is-sustanza qed tħalli effetti koroh meta tiġi abbużata, speċjalment miż-żgħażagħ. Sfortunatament dawn qed ikunu l-mira ta’ riklamar aggressiv. Dan narawh kemm fil-magazines u wkoll fuq stazzjonijiet tat-televiżjoni, l-aktar dawk li huma popolari maż-żgħażagħ. Fattur ieħor li qed jinfluenza liż-żgħażagħ tagħna biex jixorbu aktar hija l-peer pressure li, b’mod speċjali fiż-żogħżija, għandha rwol determinanti fl-iżvilupp tagħhom.
Studji varji li saru f’Malta matul dawn l-aħħar snin, bħall-ESPAD u r-Risk and Resiliency Study, juruna biċ-ċar li ż-żgħażagħ Maltin f’ċerti etajiet qegħdin fuq quddiem nett meta nqabbluhom ma’ żgħażagħ ta’ mparhom f’pajjiżi oħra f’dak li jirrigwarda l-konsum ta’ l-alkoħol. Il-fatt li l-alkoħol jistgħu jiksbuh b’ċertu faċilità jkompli jinkwieta lil min għandu għal qalbu l-futur tal-ġenerazzjoni żagħżugħa. Għalhekk inħoss li ma nistgħux nibqgħu passivi, tant li kontinwament qed nevalwaw proposti mressqa kemm mill-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Abbuż ta’ Droga, Alkoħol u Dipendenzi oħra, minn sedqau wkoll organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu f’dan il-qasam
Minħabba li jiena nemmen li l-problema ta’ l-abbuż ta’ l-alkoħol fost iż-żgħażagħ għandha tittieħed b’aktar serjetà, dan l-aħħar jiena ressaqt diversi proposti quddiem il-Kumitat tal-Kabinett dwar il-Politika Soċjali bil-għan li nindirizzaw il-passi legislattivi li għandhom jittieħdu f’dan ir-rigward. Waħda mill-proposti taħseb biex nikkoreġu anomalija li teżisti bħalissa fil-liġi f’dak li jirrigwarda l-bejgħ u l-konsum ta’ l-alkoħol minn persuni taħt is-sittax-il sena. Fil-preżent, filwaqt li l-liġi tipprojbixxi l-bejgħ ta’ l-alkohol lil persuni taħt is-sittax, il-liġi ma titkellimx fuq l-età minima li persuna għandu jkollu biex jikkonsma l-alkoħol.
Madankollu, it-tibdil leġislattiv waħdu mhux biżżejjed. Għalkemm tajjeb li jkollok il-ligijiet, l-aktar importanti hu li, kemm is-soċjetà in generali, u iżjed u iżjed il-ġenituri, jagħrfu jkunu ta’ mudell eżemplari għat-tfal u ż-żgħażagħ tagħhom. Il-ġenituri għandhom jagħrfu jerfgħu r-responsabiltajiet kollha tagħhom, inkluż li jkunu mudelli għal uliedhom ta’ kif għandu jiġi ikkunsmat l-alkoħol mingħajr ma jkun ta’ dannu għal saħħithom. Il-post tal-ġenituri ma jista’ jieħdu ħadd. L-edukaturi u ‘role models’ oħra għandhom isostnu ix-xogħol tal-ġenituri billi fil-kuntatt tagħhom maż-żgħżagħ jgħinuhom jifhmu l-effetti negattivi li l-abbuż ta’ l-alkoħol jista’ jkollu fi sferi differenti ta’ ħajjithom. Mingħajr ma nnaqqas xejn mill-forza tal-liġi bħala deterrent, nemmen li dan jista’ jħalli riżultati ħafna aħjar.
Fil-kultura tagħna l-alkoħol huwa pjuttost assoċjat ma’ okkażjonijiet ta’ ferħ u divertiment. Dawn jistgħu jkunu bosta: il-festa tar-raħal, rebħ ta’ unur f’xi sport, tiġijiet, barbeques, u ħafna attivitajiet oħrajn. Iżda sfortunatament, l-abbuż ta’ l-alkoħol jista’ jibdel dawn iċ-ċelebrazzjonijiet f’okkażjonijiet ta’ ġlied, tgħajjir, kliem mhux xieraq u xi kultant wkoll fi traġedja. L-alkoħol għandu s-saħħa li jista’ jibdel ferħ f’niket kbir.
Jiena nemmen li sabiex l-individwu jista’ jagħmel l-għażliet tiegħu b’mod responsabbli jrid ikun edukat u mgħallem, u preċiżament dan huwa l-għan ta’ din il-kampanja mħejjija mill-aġenzija sedqa. Nerġa’ ntenni li jiena nemmen bis-sħiħ fl-edukazzjoni bħala l-mezz fundamentali li nrawwmu persuni responsabbli. Fl-istess ħin ma nistgħux lanqas ninjoraw il-fatt li l-aħjar riżultati jinkisbu meta jkollok il-liġijiet tal-pajjiż li jkunu qed jsostnu u jsaħħu dawk l-elementi li l-kampanji edukattivi jkunu qed iwasslu.
Nixtieq fl-aħħarnett, f’isem il-Gvern nirringrazzja minn qalbi lil dawk l-aġenziji, kemm pubbliċi u volontarji, għaqdiet u individwi li qed jagħmlu l-almu kollu tagħhom u qed jiddedikaw saħħithom u ħinhom għal ġid veru taż-żagħżagħ tagħna.
Grazzi ħafna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946