Left arrow Go Back

ĦADDIEMA TAL-GVERN INADDFU WIDIEN LI ILHOM MITLUQA ’L FUQ MINN TLETIN SENA

PR0956
Date Icon 24/06/2005

Programm serju ta’ ħidma fix-xhur tas-Sajf sabiex jipprevjeni l-għargħar  

Wara is-suċċess milħuq permezz tax-xogħol ta’ tindif u rijabilitazzjoni ta’ widien mwettqa fit-tramuntana ta’ Malta fis-sena 2004, il-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura qed ikompli b’din il-ħidma f’numru ta’ widien oħra. Fis-sena 2004 tnaddfu ’l fuq minn 4 kilometri ta’ widien, inklużi dawk fil-limiti ta’ Burmarrad, Għajn Riħana, il-Bidnija u l-Imselliet bħala parti mill-programm ta’ “Prevenzjoni mill-Għargħar.”  

Meta żar dawn ix-xogħlijiet fl-inħawi ta’ Wied Qannotta, limiti tal-Wardija, il-Ministru Ninu Zammit qal li wieħed mill-għanijiet ta’ dan il-proġett vast huwa li jagħmel dawn il-widien aċċessibli għall-pubbliku. Dan billi jerġgħu jinħolqu passaġġi li jkunu jistgħu jitgawdew mill-istess pubbliku. Għan ieħor huwa li jinħolqu reċensjonijiet jew ilqugħ li jservu biex jikkontrollaw il-volum u l-ħażna ta’ l-ilma u fl-istess waqt jsir re-charging ta’ l-acquifer jew tal-ħażna ta’ l-ilma tal-pjan.  

Fil-wied li miż-Żebbiegħ jagħti għal Burmarrad, liema wied huwa ta’ sbuħija naturali sostanzjali, qed isiru xogħlijiet estensivi ta’ tindif u tneħħija ta’ materjal. Dan il-materjal ta’ kull tip tkaxkar u akkumula f’dan il-wied matul is-snin. Dan kien ta’ ostaklu għal numru ta’ bdiewa li jaħdmu l-għelieqi fl-inħawi. “Il-ħidma hija wkoll immirata sabiex ngħamlu iktar faċli l-ħajja tal-bdiewa li jaqilgħu l-għixien tagħhom mill-uċuh tar-raba’” stqarr il-Ministru Zammit.  

Qed jitwettaq ukoll xogħol sabiex jitranġaw problemi strutturali fuq il-pontijiet li jintużaw mill-istess bdiewa bħala aċċess għall-għelieqi. Dan ix-xogħol qiegħed jitwettaq kollu minn ħaddiema tas-Sezzjoni tat-Tindif u Rijabilitazzjoni tal-Widien fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet. Din is-Sezzjoni twaqqfet fl-aħħar xhur bi l-għan li jitwettqu xogħlijiet ta’ dan it-tip.  

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura elenka wkoll numru ta’ xogħlijet oħra li huma ppjanati li jitwettqu fix-xhur tas-Sajf bħala parti mill-programm “Prevenzjoni mill-Għargħar.” Dawn jinkludu tindif u rijabilitazzjoni ta’ Wied Irmiedi, limiti ta’ Ħ’Attard, Wied il-Qlejja, limiti tal-Mosta, Wied l-Isqof, limiti tal-Buskett u tal-Virtù, u Wied is-Sewda ġewwa Ħal Qormi. “Dawn huma xogħlijiet li ilhom ma jitwettqu ’l fuq minn tletin sena u li dan il-Ministeru daħal għalihom b’impenn u programm serju ta’ ħidma li se jitwettaq minn ħaddiema tal-Gvern” temm il-Ministru Ninu Zammit.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow