Left arrow Mur Lura

INFERMIERA DEJJEM AKTAR PROFESSJONALI

PR0948
Date Icon 23/06/2005

“Il-gvern qiegħed dejjem aktar joffri opportunitajiet lill-infermiera biex isiru aktar professjonali fil-qadi ta’ dmirijiethom.  It-talba ta’ infermiera li qegħdin jagħżlu li jkomplu jistudjaw qiegħda dejjem tikber u dan jassigura li s-servizz ta’ kura li jingħata llum ikompli jilħaq livelli aktar għolja.”

Din id-dikjarazzjoni għamilha Dr. Louis Deguara, Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, meta kien qiegħed jippreżenta ċ-certifikat lil 53 enrolled nurses li għadhom kif temmew conversion course ta’ sena u nofs biex issa laħqu staff nurses.  Il-course kien l-ewwel wieħed ippreparat esklussivament mid-Direttorat tan-Nursing.  Matul l-aħħar snin b’kollox segwew dan il-course 128 enrolled nurse.  Hu previst li sas-sena 2012 dan il-programm jasal fi tmiemu u l-enrolled nurseskollha jkunu ngħataw l-opportunità li jsegwu dan il-course.  It-taħriġ li jingħata matul dan il-course hu speċifiku u hu mibni fuq direttivi maħruġa mill-Unjoni Ewropea.  Dan jiftaħ bibien ta’ opportunitajiet għall-infermiera Maltin biex jispeċjalizzaw u / jew jaħdmu f’xi pajjiż membru ta’ l-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru qal li l-avvanz mgħaġġel fix-xjenza medika llum aktar minn qatt qabel jitlob li jkollok infermiera mħarrġa u aktar professjonali.  Biex jintlaħaq dan, il-gvern qiegħed joffri ħafna opportunitajiet ta’ taħriġ u ta’ studju lil din il-kategorija ta’ impjegati.  Fost dan insibu l-ispeċjalizzazzjoni f’oqsma differenti bħall-kardjoloġija, kontroll ta’ l-infezzjonijiet, kura tal-feriti u ħafna oħrajn.  Dan qed isir permezz ta’ taħriġ f’Malta kif ukoll barra permezz ta’ skambji li setgħu jsiru possibbli permezz ta’ programmi vokazzjonali ta’ l-U.E. “Leonardo”.  Din is-sena 5 infermiera marru Wales fejn setgħu jiksbu esperjenza fil-qasam ta’ saħħa mentali u ta’ kura tal-feriti.  Qegħdin nersqu lejn iż-żmien meta l-infermiera jkunu speċjalizzati fil-qasam li jaħdmu fih.

Illum għandna madwar 180 infermiera gradwati u iktar minn 300 għandhom diploma minbarra xi 550 oħra li tħarrġu bħala SRNs mis-St Luke’s School for Nurses. Infermiera bid-diploma qegħdin jiġu mħajra jiggradwaw filwaqt li gradwati qeghdin jingħataw ukoll opportunità li jagħmlu l-master’s degree fin-nursing.  Għandna wkoll numru ta’ infermiera b’PhDs u oħrajn li qed isegwu programmi ta’ dottorat fil-qasam tan-nursing ma’ universitajiet barra minn Malta .

Din il-ħidma fit-taħriġ qegħda timxi pass pass mal-bini ta’ l-isptar il-ġdid.  Ma jiswa xejn li jkollok sptar mgħammar bl-aħħar teknoloġiji u mbagħad ma jkollokx impjegati mħarrġa biex jaħdmu fih.  Il-gvern irid li l-infermiera kif ukoll professjonisti oħra jifhmu li wasal iż-żmien li nibdlu l-prattiċi tax-xogħol li ħaddanna għal għexieren ta’ snin.  Bidla f’dawn il-prattiċi tgħin lill-professjonisti, fosthom l-infermiera, biex joħorġu l-potenzjali tagħhom. Dan barra li jġib job satisfaction ikun ta’ benefiċċju għall-pazjent kompla qal il-Ministru Deguara.

Il-Ministru awgura lill-infermiera tas-suċċess tagħhom u appellalhom biex ikunu lesti li jilqgħu l-isfidi li għandhom quddiemhom.  “Kunu dejjem lesti biex taġġornaw ruħkom, komplu studjaw u avvanzaw fil-karriera tagħkom.  Tibżgħux mill-isfidi li s-servizz tal-kura tas-saħħa jpoġġi quddiemkom. Tibżgħux mill-bidliet fil-prattiċi għax b’hekk biss tistgħu tipprattikaw dak li tgħallimtu” temm jgħid il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow