L-EDUKAZZJONI – PRIORITÀ GĦALL-GVERN BIL-FATTI
“Il-futur ta’ pajjiżna u l-kapaċita’ ta’ kull wieħed u waħda minna li nkunu kompettitivi u niksbu suċċess f’dinja ta’ bidla kontinwa, jiddependu minn kemm se jkollna ħaddiema b’livell ta’ edukazzjoni u taħriġ mill-ogħla. Konxju minn dan, il-Gvern poġġa l-edukazzjoni bħala waħda mit-tlett prioritajiet tiegħu, qed jinvesti b’mod qawwi, u qed iwettaq reviżjoni fl-oqsma kollha ta’ dan is-settur biex ikompli jtejjeb il-kwalità ta’ l-edukazzjoni f’pajjiżna. Dan qed isir bil-galbu u b’użu tajjeb tal-fondi pubbliċi.” Dan qalu l-Prim Ministru Lawrence Gonzi meta flimkien mal-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea żar ix-xogħlijiet li qed isiru fuq il-bini ta’ kulleġġ ġdid li qed jinbena fl-inħawi tal-Karwija f’Ħal Kirkop.
Il-Kulleġġ, skola ta’ l-istat ta’ livell sekondarju, se tkun l-ewwel skola ġdida li inbniet mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada. Dan kien wieħed mill-ewwel proġetti li ħadet f’idejha l-Fondazzjoni meta bdiet topera f’Mejju 2001. Dak iż-żmien il-Gvern kien qed jonfoq mas-sitt miljun lira biex jibni skola ġdida u kien qed idum mas-sitt snin biex jibniha. Il-Kulleġġ li qed tibni l-Fondazzjoni se jilqa` l-ewwel studenti tiegħu f’Settembru li ġej u b’hekk il-Fondazzjoni tkun laħqet il-mira tagħha li tibni l-iskola fi ftit aktar minn sentejn u b’spiża li m’għandhiex taqbeż it-Lm3m. “Dan ifisser li bil-Fondazzjoni għall-iskejjel ta’ Għada l-Gvern se jkun qed jagħti lill-poplu Malti skola ġdida, ta’ l-ogħla kwalità, f’terż taż-żmien u b’nofs l-ispiża li kien jonfoq qabel.” Sostna Louis Galea meta tkellem dwar l-effiċjenza tal-Fondazzjoni fil-ħidma tagħha biex twettaq il-proġett ambizzjuż tal-Gvern li sa l-2010 timmodernizza l-iskejjel kollha tal-Gvern u tibni l-iskejjel il-ġodda li hemm bżonn.
Minbarra l-bini ta’ skejjel ġodda, il-Fondazzjoni qed twettaq xogħol ta’ mmodernizzar f’diversi skejjel kif ukoll estensjonijiet, bini ta’ swali, xogħol biex titjieb l-aċċessibilita’ fl-iskejjel, u ħidma biex jissebbħu l-ispazji rikreattivi ta’ l-iskejjel. Minkejja id-diffikultajiet li kellha, fl-ewwel tlett snin tal-ħidma tagħha l-Fondazzjoni wettqet xogħol f’ħafna mill-iskejjel ta’ l-Istat b’investiment li jlaħħaq Lm11m.
Il-Kulleġġ il-ġdid hu l-ewwel proġett sħiħ tal-Fondazzjoni u qed jinbena bi standards għoljin u skond il-linji ta’ gwida li joħorġu mill-Kurrikulu Nazzjonali u l-Awtoritajiet Edukattivi. L-ewwel ġebla tqiegħdet fl-20 ta’ Marzu 2003. Il-Kulleġġ ser jkun mgħammar b’apparat sofistikat u b’qisien ta’ klassijiet adekwati. Is-sit ta’ l-iskola jokkupa 24 tomna art, u ser jipprovdi 12,600 metru kwadru ta’ kmamar għat-tagħlim, mifruxa fuq tliet sulari, għal elf student, subien jew bniet. Il-Kulleġġ se jkollu 40 klassi u 43 kamra għar-riżorsi, 8 laboratorji tax-xjenza u 7 oħra tat-teknoloġija edukattiva, 6 laboratorji tal-kompjuter, klassijiet speċjali għat-tagħlim tad-drama, mużika, arti u ċeramika, studji ambjentali, tisjir, guidance, klinika, kappella, librerija, uffiċini għall-kapijiet u l-amministrazzjoni, kmamar għall-laqgħat, kif ukoll sala multipurpose, fost l-oħrajn. L-iskola ser tkun kompletament aċċessibbli għall-persuni b’diżabilita’ u ser tkun mgħammra b’lifts apposta. Il-Kulleġġ se jkollu spazji rikreattivi u ground full size miksi b’turf artifiċjali u running track ta’ 200 metru. Ser hemm ukoll żewġ parkeġġi li jesgħu aktar minn 200 karozza. Id-disinn u l-materjal li qed jintużaw fil-bini jirrispetta l-ambjent, kemm f’dak li hu riċiklaġġ kif ukoll fl-użu ta’ enerġija alternattiva.
Wara li f’Settembru li ġej l-Kulleġġ jiftaħ il-bibien tiegħu għall-istudenti, se jibda x-xogħol fuq il-bini ta’ kumpless sportiv ġdid għal dan ir-reġjun u multi-purpose hall għall-kommunità li tingħaqad u tintuża mill-Kulleġġ. Il-kumpless sportiv li se jinbena biswit l-iskola se jkun ta’ livell internazzjonali, b’tali mod u manjiera li jkun jista’ jservi l-ħtiġijiet tal-komunita’ wara l-ħin ta’ l-iskola. Dan l-impjant ser jintuża biex jiġu organizzati kompetizzjonijiet ta’ diversi dixxiplini sportivi, fosthom volleyball, handball u basketball. Ser ikollu wkoll żona li sservi għal prattika ta’ żfin, karate u logħob ta’ ġewwa.
L-iskola u l-kumpless sportiv ser jaqdu l-ħtiġijiet edukattivi ta’ diversi nħawi u hu mistenni li studenti minn diversi rħula fosthom mill-Qrendi, Mqabba, Ħal-Kirkop, Ħal-Safi, iż-Żurrieq ser jgħamlu użu minn dan il-post.
Parti sostanzjali tax-xogħlijiet f’dan il-Kulleġġ qed isiru minn ħaddiema tal-Gvern u minn ex-ħaddiema tat-Tarzna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946