TEKNOLOĠIJA MIFRUXA FIL-KURRIKULU KOLLU
“L-użu tal-kompjuter jgħin lill-istudenti jiksbu marki aħjar fl-eżamijiet f’suġġetti bħall-Ingliż, Matematika u Xjenza. Minn stħarriġ li sar barra, jirriżulta li t-tfal jimmotivaw ruħhom ħafna aktar meta jagħmlu użu mit-teknoloġija u b’hekk jiksbu riżultati aħjar.” Dan qalu l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol Louis Galea meta iltaqa ma’ numru ta’ għalliema li bħalissa qed jitħarrġu u jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw materjal għat-tagħlim tas-suġetti permezz ta’ l-ICT.
Filwaqt li fil-livell primarju l-kompjuters jintużaw bħala għodda tat-tagħlim fuq diversi suġġetti fil-livell sekondarju t-teknoloġija tintuża aktar biex wieħed jitħarreġ fis-suġġett, infatti diġa’ qed jingħata taħrig lill-istudenti kollha fl-iskejjel Sekondarji biex ikollhom il-ħiliet bażiċi li jwassluhom għaċ-ċertifikazzjoni ta’ l-ECDL (European Computer Driving Licence). Id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni flimkien mad-Dipartiment tat-Teknoloġija qed taħdem biex anke fil-livell sekondarju tingħata spinta lill-użu ta’ l-Informatika bħala għodda ta’ tagħlim fis-suġġetti kollha u l-parti kbira ta’ l-iskejjel sekondarji laqgħu din l-isfida bi ħġarhom.
Biex jintlaħaq dan l-iskop, li l-istudenti jagħmlu użu ta’ l-Informatika fis-suġġetti kollha, id-Dipartiment tat-Teknoloġija fl-Edukazzjoni (DTiE) tella’ diversi Staff Development Meetings fejn ġiet enfasizzata l-importanza li l-kompjuters jintużaw bħala għodda ta’ tagħlim waqt il-lezzjonijiet. Il-pjan hu li l-użu ta’ l-ICT jiġi ntegrat fil-pjan ta’ l-iżvilupp ta’ l-iskejjel sekondarji u l-istess skejjel se jiġu megħjjuna jfasslu politika dwar l-użu tat-teknoloġija fil-kurrikulu (ICT Across the Curriculum School Policy).
L-użu ta’ l-ICT mhux biss ta vantaġġ għall-istudenti imma wkoll għall-għalliema. Dawn mhux biss jistgħu joħolqu lezzjonijiet aktar iffokati, imma jistgħu jikkolaboraw lokalment ma’ għalliema u persuni oħrajn kif ukoll ma’ dawk f’pajjiżi barranin, jistgħu jaqsmu bejniethom riżorsi, jakkwistaw aktar flessibbiltà fit-tagħlim, kif ukoll jiksbu kunfidenza u entużjażmu fil-professjoni tagħhom. Għalhekk id-DTiE organizzat taħriġ speċjalizzat għall-għalliema dwar l-użu ta’ l-informatika fis-suġġetti tagħhom u dawn issa jistgħu jħarrġu l-għalliema l-oħra sħabhom fl-iskejjel rispettivi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946