IL-KAP TA’ L-OPPOŻIZZJONI JIBQA’ MA JILQAX L-ISFIDA TAL-GVERN
Bl-imġieba tiegħu, l-Onor. Alfred Sant qed jikkonferma li jqis kull privatizzazzjoni bħala opportunità biex joħloq biż-żejjed dubju dwar il-kreddibiltà tal-Gvern mingħajr ma jkollu għalfejn jissostanzja dak li jgħid.
Fid-diskors tiegħu tal-bieraħ dwar is-suġġett Dr. Sant ipprova jisfrutta dak li jidhirlu li hi l-vulnerabbilità tal-Gvern fil-ħin li jkun qed jiffinalizza negozjati kummerċjali. Ma jista’ jkun hemm xejn aktar assurd, mis-suġġeriment li għamel l-Onor. Alfred Sant li l-ftehim ta’ kunfidenzjalità bejn il-Gvern u Atlantica S.p.a. di Navigazione jorbot biss lix-xerrej tas-Sea Malta u m’hux lill-bejjiegħ. Ma jeżisti ebda ftehim ta’ kunfidenzjalità fid-dinja reali barra mill-immaġinazzjoni ta’ l-Onor. Alfred Sant li jorbot lil parti u m’hux lill-oħra.
F’ġieħ is-sewwa, il-Gvern qed jippubblika l-estratt rilevanti mill-ftehim inizjali bejn il-Gvern u Atlantica S.p.a. di Navigazione imħabbar nhar l-14 ta’ Ġunju 2005:
14. “CONFIDENTIALITY
14.1. The parties agree to keep confidential the contents of this Memorandum of Understanding, the negotiations leading to it and all information procured by any party from any of the other parties.
14.2. The said confidentiality obligation shall not apply to information which:
14.2.1. is in the public domain; or
14.2.2. is ordered to be disclosed by a competent authority; or
14.2.3. is necessary to disclose to the officers, employees and advisors who shall be bound by the same confidentiality obligation.
14.2.4. is necessary to disclose for the purposes of the implementation of this Memorandum of Understanding.
14.3. The above confidentiality obligation will survive the termination of this Memorandum of Understanding.”
Hu ċar li r-rabta ta’ din il-parti tal-ftehim torbot kemm lill-Gvern u kemm lix-xerrej tas-Sea Malta u dan il-fatt ma jinbidilx sempliċiment għax jikkontradixxi l-impressjoni li għandu jew li jidhirlu li jrid jagħti l-Onor. Alfred Sant.
Inċidentalment dan il-ftehim ta’ kunfidenzjalità jippermetti lill-Gvern iwieġeb il-mistoqsijiet kollha li jsirulu dwar il-bejgħ tas-Sea Malta jekk dawn il-mistoqsijiet ma jsirulux minn l-Onor. Alfred Sant f’ xi attivita’ politika, iżda jekk isirulu minn l-Onor. Alfred Sant bħala Kap ta’ l-Oppożizzjoni li jikkontrolla l-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament.
Fil-verità l-opportunità li tinħareġ l-informazzjoni kollha u jiġu kkonfermati jew miċħuda s-suspetti ta’ l-Onor. Alfred Sant ta’ xi skorrettezza jew oħra hi f’idejn l-Onor. Sant innifsu. Il-Gvern m’għandu ebda diffikultà jagħti l-informazzjoni kollha u għal darb’oħra jisfida lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni dak li hu għal kollox fil-poter tiegħu li jagħmel: li jġiegħel li jkunu mwieġba l-mistoqsijiet kollha li jrid jagħmel u li jkunu ppubblikati d-dokumenti kollha li jrid jara.
Jidher li l-Onor. Alfred Sant m’hux interessat fil-verità, iżda jippreferi d-dubju, is-suspett u l-allegazzjoni għax ikollhom jew ma jkollhomx bażi dawn jaqgħu fuq il-Gvern.
F’parti oħra tad-diskors tiegħu, l-Onor. Alfred Sant jitfa’ l-politika ekonomika tal-Partit tiegħu tlettax-il sena lura meta jiddikjara ruħu kontra l-kunċett tal-privatizzazzjoni u jaħlef li meta u jekk ikun fil-Gvern hu, jwaqqaf għal kollox il-privatizzazzjoni. L-Onor. Alfred Sant joħroġ ta’ dak li hu: soċjalist ta’ l-iskola l-antika li jemmen li l-Gvern għandu jikkontrolla l-ekonomija, li hu kontra l-qliegħ, u li s-settur privat m’għandux jipparteċipa f’dawk l-industriji li f’idejn il-Gvern jiġġustifikaw impjiegi żejda u ineffiċjenzi li jinfdew u jitħallsu mit-taxxi tal-poplu.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946