LM66, 367 F'GĦAJNUNA FINANZJARJA LIS-SETTUR TAL-FNIEK
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Biedja u s-Sajd, Dr Francis Agius, żar l-ikbar razzett tal-fniek f’Malta.
Dr Agius spjega kif dan ir-razzet, fejn jidħol il-kobor tiegħu, huwa ukoll wieħed mill-ewwel għoxrin razzett tal-fniek fl-Ewropa. F'dan ir-razzett hemm ’il fuq minn elf fenka mrobbija fuq l-aktar sistemi moderni b’maniġġ speċjalizzat u skond l-animal welfare.
Ġie spjegat ukoll kif f'qasir żmien ser tinbena biċċerija skond l-istandards ta' l-Unjoni Ewropea ma’ l-istess razzett.
Dan is-settur ibbenefika ukoll minn għajnuna mill-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Gvern Malti. L-għajnuna b'kollox tlaħħaq ’il fuq minn LM66,367 u tqassmet lil uħud mill-proċessuri tal-fniek. Parti minn din l-għajnuna hija għal investiment fuq l-irziezet u parti għall-marketing u l-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli.
Dr Agius kompla jgħid kemm huwa importanti li dawk kollha midħla tas-settur agrikolu u tas-settur tas-sajd japplikaw għall-fondi li ġejjin mill-Unjoni Ewropea u mill-Gvern Malti. Min japplika jrid ikun eliġibbli skond ir-regoli li jitolbu l-istess miżuri ta' l-Unjoni Ewropea. Dr Agius qal li l-Ministeru appella kemm-il darba lill-bdiewa u s-sajjieda biex japplikaw għall-fondi li hemm biex jintużaw għal dan is-settur. Il-lum qed naraw kif min japplika għall-fondi u jkun eliġibbli jista’ jibbenefika u allura jkun jista’ jirristruttura ruħu u jkompli jikkompeti f'dan is-suq.
Minn dawn l-investimenti fis-settur agrikolu jibbenefika ukoll il-konsumatur li jsib il-prodott lokali frisk, ġenwin u f’kundizzjonijiet ta’ l-aħjar iġjene.
Ġie spjegat ukoll kif il-ġwiez li jingħata lill-fniek f'dan ir-razzett jiġi pproċessat fil-post u kif jiġi mħallat xjentifikament skond iż-żmien tat-trobbija li jkunu fih il-fniek.
Dr Agius tenna kif dan, għal darb’oħra, juri li s-settur ta' l-agrikoltura hemm postu f'pajjiżna u kif dan is-settur qed jibbenefika minn fondi ta' l-Unjoni Ewropea u tal-Gvern Malti kif kien imwiegħed qabel l-elezzjoni.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946