TALENT ARTISTIKU F’KAPPELLA B’WIRT STORIKU
Victor Sammut is-sena li għaddiet iċċelebra l-25 sena ta’ skultura fiċ-ċeramika. Hu beda jaħdem iċ-ċeramika fl-1979 ma’ Gabriel Caruana f’Tarġa Gap il-Mosta. Minn dak iż-żmien ’l hawn, tella’ seba’ wirjiet kollettivi u personali.
Is-sena li għaddiet Victor Sammut tella’ wirja ta’ skultura fiċ-ċeramika fil-Corte Capitanale, il-Kunsill Lokali ta’ l-Imdina. Għal dik l-okkażjoni l-kritiku ta’ L-arti Emmanuel Fiorentino ppublika l-bioġrafija ta’ Sammut.
Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ kull sena organizzati mill-Kunsill Lokali San Ġwann, u bħala l-XI Venue of The International Art Biennale Malta 2005, Victor Sammut qed itella’ wirja fil-kappella ta’ San Filep u San Ġakbu (1733), magħrufa bħala l-kappella “tal-Propostu” li qiegħda fit-triq tan-Naxxar fil-limiti ta’ San Ġwann. Fil-wirja tiegħu Sammut qed jipprova jerġa’ jagħti l-ħajja mill-ġdid lil din il-kappella li kienet tintuża mill-bdiewa għall-funzjonijiet reliġjużi, peress li kienu jgħixu ’l bogħod mill-knisja parrokkjali.
Il-figuri tiegħu juru aspetti tal-ħajja ta’ kuljum ta’ dak iż-żmien b’karattri tradizzjonali bħal bejjiegħ ta’ l-ilma; il-Maltija ħierġa mill-Knisja; il-gabilott bil-qoffa; ir-raħħal ħdejn il-bir.
Victor Sammut ivvjaġġa ħafna u permezz ta’ l-Akkademja Tempra kien ir-Russja u Palma di Montechiaro, f’Agrigento Sqallija fejn wirjiet permanenti ingħataw lil dawn il-galleriji. Fuq inizjattiva tas-Soċjeta’ Maltija ta’ l-Arti, Sammut wera wkoll ix-xogħljiet tiegħu fil-Ġermanja. Hu ingħata “The Grollo d’Oro” fi Treviso Venezja u dan l-aħħar kiseb honourable mention f’“The Silver Palette Competition”.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech inawgura l-wirja ta’ skulturi ta’ Victor Sammut. Hu qal li din il-wirja qed tittella’ f’kappella li ġiet restawrata meta hu kien Ministru responsabbli mill-Unit għar-Restawr.
Hu qal li din il-Kappella li kienet iġġiblu nostalġija għaliex hi parti mill-wirt storiku li reġa’ ngħata l-ħajja permezz tar-restawr. Francis Zammit Dimech qal li dawn il-wirjiet setgħu jittellgħu għaliex għandna artisti dedikati u anke għaliex hawn sponsors li lesti jgħinu. “Wirjiet bħal dawn jressqu l-arti qrib il-poplu u jwasslu biex aktar Maltin isiru konxji mit-talenti li għandna u mill-wirt kulturali u artistiku li nipposjedu,” tenna l-Ministru Francis Zammit Dimech li feraħ lill-Kunsill Lokali San Ġwann għall-inizjattiva tagħhom, lill-artist Victor Sammut u lil kull min għenu biex seta’ jtella’ din il-wirja.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946