Left arrow Go Back

INIZJATTIVA BEJN IL-GVERN U L-PRIVAT LI GĦANDHA TGĦIN LIN-NEGOZJI JKUNU AKTAR AĊĊESSIBBLI

PR0908
Date Icon 17/06/2005

Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, faħħar l-inizjattiva li ttieħdet mill-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni flimkien mal-GRTU, biex it-teknoloġija ssir dejjem aktar aċċessibbli għal kulħadd.  Is-Segretarju Parlamentari qal li din l-inizjattiva għandha tgħin biex ċerti negozji, li forsi s’issa kienu jsibuha bi tqila biex jinvestu f’kompjuter, kif ukoll biex jitgħallmu kif jistgħu jagħmlu l-aħjar użu minnu fin-negozju tagħhom, issa għandhom l-opportunita` li jixtru apparat ta’ teknoloġija bi prezzijiet baxxi.

L-Onor. Vassallo qal ukoll li tnejn mill-għaxar objettivi taċ-Charter Ewropew għan-Negozji Żgħar huma:  ‘Intejbu l-aċċess permezz ta’ l-internet’ u ‘Insaħħu l-kapaċitajiet teknologiċi ta’ l-intrapriżi żgħar’; u permezz ta’ din l-inizjattiva li tħabbret, il-Gvern ser ikun qiegħed jaħdem mas-settur privat biex jiġu mplimentati dawn iż-żewġ objettivi.   

Issa li Malta hija membru ta’ l-Unjoni Ewropea, is-Suq Intern tagħna kiber, u n-negozji tagħna issa jistgħu jħarsu barra minn xtutna, lejn pajjiżi oħra ta’ l-Unjoni Ewropea.  It-teknoloġija ta’ l-informatika tgħin biex in-negozji tagħna jkollhom dan l-aċċess mal-pajjiżi l-oħra li bħalna jiffurmaw parti minn dan is-suq ta’ l-Unjoni Ewropea.  L-użu ta’ l-internet mhux biss qed jiffaċilita n-negozju li jsir, iżda qiegħed ibiddel ukoll il-forma li jista’ jieħu n-negozju.  Illum in-negozju mhux bilfors isir minn post fiss, u bl-internet qegħdin jiżdiedu l-ħwienet virtwali.  

“Għalkemm l-istatistika turi li kull ma jmur l-użu tal-kumpjuters qiegħed jiżdied, għad hemm min m’għandux kompjuter, jew inkella għalkemm forsi għandu kompjuter, għadu ma jafx kif jista’ jagħmel l-aħjar użu minn din l-għodda.  Ix-xogħol li qiegħed iwettaq il-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni huwa pass importanti ħafna biex tiċkien il-firda diġitali.”  

Is-Segretarju Parlamentari temm billi qal li “din l-inizjattiva ta’ kumpanniji msieħba mal-GRTU flimkien mal-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni, twassal biex in-negozji żgħar tagħna jagħmlu l-aħjar użu possibbli minn din it-teknologija, biex b’hekk ikattru n-negozju tagħhom.”

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow