Left arrow Mur Lura

L-ISTATISTIKA DWAR TRAFFIKU TA’ PASSIĠĠIERI FUQ IL-VAPURI TAL-GOZO CHANNEL CO. LTD.

PR0901
Date Icon 15/06/2005

Il-Gvern jirreferi għall-istatistika pubblikata mill-Uffiċju Nazzjonali dwar l-Istatistika u għall-konklużjonijiet mgħaġġla u mingħajr bażi li ħadu diversi oqsma tal-media.

Hu żbaljat li fuq il-bażi ta’ statistika ta’ tlett xhur (Jannar sa Marzu) li kull sena huma l-anqas tlett xhur li jkun fihom xogħol turistiku, wieħed jiġbed konklużjonijiet ta’ certi tendenzi u jinjora tendenzi li huma evidenti fuq perjodu itwal ta’ żmien.  

Hu minnu li bejn Jannar u Marzu 2005 ivvjaġġaw anqas passiġġieri fuq il-vapuri tal-Gozo Channel, milli vvjaġġaw bejn Jannar u Marzu 2004. Hu minnu wkoll li n-nollijiet tal-vapur kien ogħla bejn Jannar u Marzu 2005 milli kienu bejn Jannar u Marzu 2004. Ma jfissirx iżda li tat-tieni hi l-kawża ta’ l-ewwel.  

  • In-nollijiet bejn Jannar u Marzu 2005 kienu ogħla milli kienu bejn Jannar u Marzu 2003 (sentejn ilu) iżda din is-sena f’dawn ix-xhur kien hemm 21,000 aktar passiġġieri milli kien hemm sentejn ilu.
  • In-nollijiet bejn Jannar u Marzu 2005 kienu ogħla milli kienu bejn Jannar u Marzu 2002 (tlett snin ilu) iżda din is-sena f’dawn ix-xhur kien hemm 9,000 aktar passiġġieri milli kien hemm tlett snin ilu.
  • In-nollijiet bejn Jannar u Marzu 2005 kienu ogħla milli kienu bejn Jannar u Marzu 2001 (erba’ snin ilu) iżda din is-sena f’dawn ix-xhur kien hemm 60,000 aktar passiġġieri milli kien hemm erba’ snin ilu.
  • In-nollijiet bejn Jannar u Marzu 2005 kienu ogħla milli kienu bejn Jannar u Marzu 2000 (ħames snin ilu) iżda din is-sena f’dawn ix-xhur kien hemm 85,000 aktar passiġġieri milli kien hemm ħames snin ilu.

Bejn Jannar u Marzu 2002 u Jannar u Marzu 2003, ma kienx hemm żieda fin-nollijiet iżda l-passiġġieri naqsu bi 12,000. Bejn Jannar u Marzu 2003 u Jannar u Marzu 2004 ma kienx hemm tnaqqis fin-nollijiet iżda l-Gozo Channel reġgħet ġarret il-passiġġieri kollha li tilfet is-sena ta’ qabel u żiedet magħhom.  

Anke li kieku kellu jkun aċċettat li n-noll tal-vapur huwa waħdu r-raġuni għalfejn xi ħadd jiddeċiedi jagħżilx li jmur Għawdex jew le. Il-fatt hu li n-nollijiet ilhom li żdiedu sena mill-1 ta’ Ġunju 2004 u f’din is-sena kien hemm 4,580 aktar passiġġieri milli kien hemm fis-sena ta’ qabel żdiedu n-nollijiet (Ġunju 2003-Mejju 2004 imqabbla ma’ Ġunju 2004-Mejju 2005).  

Hu ċar li d-deċiżjoni jekk wieħed imurx Għawdex jew le, tiddependi minn ħafna aktar fatturi, milli sempliċement in-noll tal-vapur bejn Malta u Għawdex.  

Id-deċiżjoni jekk xi ħadd imurx Għawdex tiddependi wkoll minn kif ikun it-temp. Fil-fatt ix-xitwa ta’ din is-sena kienet l-aktar xitwa f’ħames snin li fiha tħassru vjaġġi tal-Gozo Channel minħabba l-maltemp.  

Fl-ewwel tlett xhur ta’ l-2005 kien hemm 46 vjaġġ imħassar minħabba l-maltemp. Fl-istess xhur tas-sena l-oħra ma tħassarx vjaġġ wieħed minħabba l-maltemp. Anke kieku stess, il-vapur ma ħassarx il-vjaġġ tiegħu għal kollox, it-temp ikrah ma jkunx attraenti għal min irid jagħmel vaganza f’Għawdex.  

Id-deċiżjoni jekk xi ħadd imurx Għawdex jew le tiddependi wkoll x’offerta joffru l-lukandi u r-ristoranti f’Għawdex u kemm il-viżitatur jantiċipa li ser jonfoq matul iż-żjara kollha tiegħu, m’hux biss fuq il-vapur biex imur u jiġi. Jiddependi wkoll fuq x’ikun qed jiġri f’Għawdex (il-karnival tan-Nadur, per eżempju hu attrazzjoni li jżid l-użu tal-vapuri b’10,000 fi tmiem ta’ ġimgħa waħda).  

Id-deċiżjoni jekk xi ħadd imurx Għawdex jew le tiddependi wkoll minn jekk ikunx hemm long-weekends (li jinzertaw b’temp relattivament tajjeb) li kull sena huma kalamita għat-turisti lejn Għawdex. Bejn Jannar u Marzu 2003 kien hemm sitt festi pubbliċi li tlieta minnhom inzertaw is-Sibt jew il-Ħadd. Bejn Jannar u Marzu 2004 ħamsa mill-istess sitt festi pubbliċi nzertaw fost il-ġimgħa.  

It-traffiku fuq il-vapuri tal-Gozo Channel jiddependi wkoll fuq kemm ikun hawn turisti f’Malta. Matul Jannar u Marzu 2005 kien hawn 6,000 turist anqas f’Malta milli kien hawn bejn Jannar u Marzu 2004.  

Hu ċar li fuq tqabbil daqshekk limitat (bejn tlett xhur f’sena u tlett xhur fis-sena ta’ qabel) hemm wisq parametri biex wieħed jagħmel analiżi nfurmata dwar tendenzi. Ħarsa aktar kompleta lejn il-fatti turi li jekk isir dan l-istatistika tkun qed tiġi analizzata b’mod dejjaq wisq u allura żbaljat.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow