Left arrow Mur Lura

IL-KAP TA’ L-OPPOŻIZZJONI JKOMPLI JALJENA LILL-POPLU MIX-XOGĦOL SIEWI LI QED JAGĦMEL IL-GVERN

PR0895
Date Icon 15/06/2005

B’riferenza għall-kummenti tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, l-Onor. Alfred Sant, dwar in-nefqa mill-Gvern fuq konsulenzi, il-Ministeru għall-Kompetittività u Komunikazzjoni jixtieq jagħmel dawn l-osservazzjonijiet.  

Meta l-Onor. Sant  jirreferri għall-konsulenti, donnu jkun irid jassoċjahom ma’ tberbiq ta’ flus il-poplu, mingħajr ma jgħid jekk il-flus li ntefqu f’kull kaz partikolari, ħallewx ir-riżultati mixtieqa.  

Il-verità hija li dan il-Ministeru, bħall-Ministeri l-oħra f’din l-Amministrazzjoni, jużaw is-servizzi ta’ nies tekniċi u esperti b’sistema ta’ konsulenza proprju sabiex il-Gvern ikun qiegħed iħallas il-flus biss meta jkollu bżonn is-servizz.  

Iktar minn 99% tan-nefqa minn dan il-Ministeru, li rrefera għaliha l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, fil-fatt saret minn tliet Awtoritajiet li jaqgħu taħt dan il-Ministeru. Dawn huma l-Awtorità Marittima ta’ Malta , l-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni u l-Awtorità Maltija għall-Istandards.  

L-Awtorità Marittima ta’ Malta (MMA), li b’kollox nefqet 85% mis-somma msemmija, sa mit-twaqqif tagħha, għamlet xogħol siewi sabiex kwazi mix-xejn, kabbret ir-registru Malti tal-vapuri għall-ħames l-ikbar fid-dinja.  Matul dawn l-aħħar snin sar ħafna xogħol fil-qasam ta’ legislazzjoni, sigurtà, spettorat, protezzjoni ta’ l-ekwipaġġ u protezzjoni ambjentali, sabiex l-isem tal-bandiera Maltija jkun imħares u msaħħaħ.  

Fil-fatt kwazi Lm200,000 miċ-ċifra li semma l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, huma ħlasijiet magħmula mill-Awtorità Marittima ta’ Malta lill-Port State u FlagStateInspectors, li huma mifruxa mal-portijiet madwar id-dinja kollha, u li proprju xogħolhom huwa li jaraw li l-vapuri registrati taħt il-bandiera tagħna, jimxu mal-liġijiet internazzjonali. 

Kulħadd jirrikonoxxi li dan is-settur huwa importanti għall-ekonomija u l-impjiegi f’pajjiżna, minbarra li jfisser ukoll dħul sostanzjali għall-Gvern ta’ Malta . Għaldaqstant, l-MMA nefqet somma sostanzjali f’konsulenza legali internazzjonali, għaliex kien hemm il-bżonn li tiddefendi l-prestiġju tar-Reġistru Malti tal-Vapuri u ta’ l-Amministrazzjoni tiegħu.  

Il-parti l-kbira mill-bqija tan-nefqa, l-Awtorità Marittima ta’ Malta użata sabiex sar aġġornament fil-liġijiet Marittimi ta’ Malta, fi quantity u quality surveys, ħlas lill-MEPA għal xogħol ta’ moniteraġġ ambjentali, u fuq xogħol tal-Proġett taċ-Ċirkewwa u l-Mġarr.

L-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni (MCA) li timpjega inqas minn 50 persuna, fl-erba’ snin li ilha mwaqqfa, għamlet kisbiet impressjonanti fil-qasam tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni. Minflok ma tgħabbiet b’numru ikbar ta’ mpjegati fuq bażi permanenti milli għandha bżonn, l-MCA tagħmel użu minn konsulenti skond il-ħtieġa.  Hekk l-Awtorità għamlet spejjeż fuq surveys sabiex ikollha informazzjoni fuq is-suq, ħalli tkun f’pożizzjoni li tfassal il-pjanijiet tagħha dwar servizzi ġodda bħat-3G u t-TV diġitali, fuq konsultazzjoni legali u konsulenza regolatorja.  

Li ma ssemmix l-Oppożizzjoni huwa l-fatt li jirrikonoxxi kulħadd, li b’riżultat tal-ħidma tal-MCA, minbarra li d-dħul tal-Gvern żdied sostanzjalment, l-attività kummerċjali li ġġenerat b’riżultat ta’ din il-ħidma, kibret b’rata qawwija tant, li s-sena l-oħra qabzet il-Lm100 miljun.  

Fil-kaz ta’ l-Awtorità Maltija ta’ l-Istandards (MSA) li tagħmel xogħol prezzjuż sabiex titjieb il-kwalitàta’ prodotti u servizzi, kemm għall-konsumatur Malti kif ukoll għall-esportazzjoni, is-somma ta’ Lm 29,000 li ntefqet f’konsulenzi kienet kollha ġejja mill-fondi ta’ l-Unjoni Ewropea - l-istess fondi li konna nitilfu li kieku l-Poplu Malti vvota ‘le’ fir-referendum ta’ sentejn ilu.  

M’hemmx dubju li l-argument kollu fuq in-nefqa tal-Gvern għandu jkun dwar it-trasparenza u l-valur miksub, mhux dwar ċifri mitfuha għalihom mingħajr spjegazzjoni ta’ xejn.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow