IL-KAP TA’ L-OPPOŻIZZJONI SFIDAT JGĦID LIEMA KONSULENZI KIEN JAQTA’
Il-Gvern għaddej bil-pjan tiegħu biex ikompli jtejjeb l-ambjent u jqiegħed is-setturi tal-biedja u sajd fuq sisien sodi. Għal dan il-għan qed isir investiment qawwi f’setturi tant importanti, bħal ma huma: l-immaniġġjar ta’ l-iskart, monitoraġġi regolari ta’ l-arja u l-ilma, u oqsma differenti ta’ l-agrikoltura. Biex dan iseħħ il-Gvern ikollu jirrikorri wkoll għall-użu ta’ konsulenti esterni, u dan isir kull meta jinħtieġu kompetenzi fuq bażi okkażjonali. Dan isir meta jkun orħos għall-Gvern li jixtri servizzi ta’ konsulenza minn barra, milli li jipprova jimpjega l-ħin kollu dik it-tip ta’ konsulenza.
Bid-diskors li għamel nhar il-Ħadd li għadda dwar konsulenzi, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Dr. Alfred Sant jidher li lest joħloq id-dubji f’moħħ il-poplu biex jirribatti l-progress u x-xogħol li għaddej bih il-Gvern.
Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni ipprova jagħti l-impressjoni li skopra xi ħaġa kbira meta tkellem dwar investiment f’konsulenza li sar minn xi Ministeri, inkluż il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent. Kull ma kien qed jagħmel il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni kien, li kkwota minn informazzjoni li hija diġa’ pubblika u li ngħatat għal darba, darbtejn, lill-Kelliema diversi ta’ l-Oppożizzjoni, permezz ta’ mistoqsijiet Parlamentari.
Barra minhekk, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni lanqas ma speċifika li l-flus tħallsu mhux biss mill-Ministeru, iżda mill-Aġenziji, Dipartimenti u Awtoritajiet li jaqgħu taħt dan id-dekasteru.
F’ġieħ is-serjeta’, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni messu qal għalfejn il-Ministeru nefaq il-flus, u b’hekk il-poplu kien ikollu l-opportunita’ li jifhem u jara kemm verament dan kien bżonnjuż.
Wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jistaqsi:
hija ħela, kif allega l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, li l-WasteServ, f’isem il-Gvern, nefqet eluf ta’ liri f’konsulenza biex sar ir-rapport dwar l-istat tal-miżbliet tal-Magħtab, il-Qortin u Wied Fulija; u kif dawn jistgħu jkunu riabilitati?
hija ħela, kif allega l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, li l-Ministeru, nefaq eluf ta’ liri biex tqabbdu esperti f’setturi importanti u delikati ta’ l-agrikoltura?
jew forsi, hija wkoll ħela, kif allega l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, li l-MEPA, f’isem il-Gvern, tonfoq eluf ta’ liri kull sena biex isir monitoraġġ regolari tal-kwalita’ ta’ l-ilma u ta’ l-arja?
Minflok ikompli jiżra d-dubji, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni l-Onor. Alfred Sant messu jgħid ċar u tond liema minn dan l-infieq kien jaqta’; u b’liema konsegwenzi għall-kwalita’ tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.
Jidher li l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni huwa nteressat li jfixkel il-ħidma tal-Gvern f’diversi setturi tant importanti. Din m’hix is-serjeta’ li għandu bżonn il-pajjiż f’dan il-mument tant kruċjali.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946