IKTAR ĦIDMA MILL-PROĠETT GĦAR-RIJABILITAZZJONI TAL-BELT VALLETTA U L-FLORIANA
L-impenn tal-Proġett għar-Rijabilitazzjoni tal-Belt Valletta u l-Floriana fl-aħħar snin wassal għat-twettiq ta’ bosta proġetti ta’ tisbiħ u restawr. Dawn ix-xogħlijiet għenu wkoll għal qawmien iktar ta’ kuxjenza nazzjonali favur ir-restawr. Fost dawn il-proġetti nsibu proġett ambizzjuż ta’ restawr li qiegħed jitwettaq fil-Knisja tal-Vitorja fil-Belt Valletta.
Il-Prim Ministru, l-Onor. Dr. Lawrence Gonzi flimkien mal-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Ninu Zammit żaru ix-xogħlijiet li qed jitwettqu f’din il-Knisja. Din l-ewwel knisja li nbniet fil-Belt Valletta tinsab għaddejja minn proġett totali ta’ restawr li huwa maqsum f’diversi fażijiet. Diġa ntemm xogħol ta’ restawr fuq is-soqfa minbarra, l-irħam tal-faċċata, id-dar tal-kappillan, il-kampnar, l-faċċata kollha u l-bronż ta’ Papa Pignatelli (Innoċenz XII).
Bħalissa jinsab għaddej xogħol ta’ restawr fuq il-pittura tas-saqaf li saret minn Alessio Erardi (1671-1727), liema pittura tinsab fi stat kbir ta’ deterjorazzjoni. Ix-xogħol qed jitwettaq minn restawraturi barranin flimkien ma’ studenti mill-Universita ta’ Londra. Ix-xogħol kollu huwa ko-ordinat mill-Proġett għar-Rijabilitazzjoni tal-Belt Valletta u l-Floriana.
Il-Ministru Zammit qal li dan il-proġett huwa frott tal-kollaborazzjoni bejn il-VRP u Din l-Art Ħelwa li rnexxielhom ukoll jakkwistaw għajnuna finanzjarja li tlaħħaq mal- Lm15,000 minn Pricewaterhouse Coopers, sabiex dan il-proġett isir realta’. Din kienet l-ikbar għajnuna finanzjarja li l-VRP qatt irċieva mis-settur privat.
Meta kien qed jindirizza lill-membri ta’ l-istampa, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li matul is-sena se jkunu qed jitwettqu ‘l fuq minn 32 proġett ieħor ta’ restawr madwar Malta. Il-Prim Ministru fakkar ukoll fil-ħidma li ħaddiema mit-Taqsima tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru Għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qed iwettqu fuq is-swar tal-Belt u l-Floriana.
Il-Ministru Ninu Zammit elenka wkoll numru ta’ xogħlijiet ta’ restawr li għaddejjin fil-Floriana u l-Belt Valletta. Fost dawn semma dawk fil-Kon Kattidral ta’ San Ġwann, fejn qed jiġu restawrati l-Kappella Taljana, l-Orgni li jinsab fl-Oratorju u l-affresk fil-kripta tal-Gran Mastri. Xogħol ieħor ta’ restawr għaddej ġewwa l-Knisja tal-Ġiżwiti, l-Knisja ta’ Sarria fil-Floriana u l-faċċata tal-bini li minnu jopera l-Kunsill Lokali Floriana.
Fil-ġimgħat li ġejjin għandu jinbeda wkoll ir-restawr fuq il-Monument ta’ l-Iljun ġewwa l-Floriana. Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura semma wkoll ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ u restawr fil-Ġnien ta’ Hastings, liema ġnien se jingħata dehra ġdida bħalma twettaq fil-Barrakka ta’ Fuq u ta’ Isfel fis-sena 2004.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946