Left arrow Go Back

INDIRIZZ MILL-ONOR. CENSU GALEA, MINISTRU GĦALL-KOMPETITTIVITA’ U KOMUNIKAZZJONI, FIL-KONFERENZA DWAR IĊ-CHARTER EWROPEW DWAR IN-NEGOZJI Ż-ŻGĦAR – SAN GWANN – 14.06.2005

PR0888
Date Icon 14/06/2005

Bħala Ministru għall-Kompettitivita’ u Komunikazzjoni, responsabbli ukoll mis-settur tas-self employed u n-negozji ż-żgħar, huwa ta’ pjaċir għalija li nindirizza dan is-seminar li ser jitratta dwar il-ħolqien ta’ ambjent aħjar għall-benefiċċju ta’ l-intrapriżi ż-żgħar.

Hija l-politika ta’ dan il-Gvern kif ukoll ta’ l-Unjoni Ewropea li jiffaċilitaw l-operat tan-negozji ż-żgħar.  Għal dan il-għan l-Unjoni Ewropea ppublikat charter għal intrapriżi ż-żgħar. Mill-bidu nett, iċ-charter sab l-appoġġ kollu tal-Gvern Malti għaliex dejjem fehem li dan is-settur huwa importanti ħafna sabiex pajjiżna jkompli jissaħħaħ.  Il-Gvern huwa mpenjat illi jkompli jinkoraġixxi u jgħin lil l-intrapriżi ż-żgħar u medji b’kull mod possibbli. Dan għaliex huwa l-iktar settur fejn jistgħu jinħolqu mpjiegi ġodda u li jwassal għat-tkabbir ekonomiku.  Kif qed jiġi diskuss f’dan ir-rapport imħejji mill-Unjoni Ewropea; l-edukazzjoni u t-taħriġ, it-tfassil ta’ regolamenti aħjar, u l-użu tal-kummerċ eletroniku, huma fost l-għodda ewlenija biex dan is-settur jkompli jissaħħaħ.  Huwa importanti illi l-operaturi kollha ikollhom għarfien tajjeb tal-kapaċitajiet meħtieġa biex wieħed jikkompeti u jkollu suċċess fil-ħajja tan-negozju.     

Bil-ħidma biex ikunu mplimentati l-punti prinċipali taċ-Charter Ewropew għan-Negozji Żgħar, il-Gvern qed joħloq dik is-sinerġija possibbli wkoll fuq livell Nazzjonali, b’risq l-iżvilupp ta’ politika li trid toffri attenzjoni għal min hu żgħir fin-negozju.  Din il-ħidma għenet biex f’pajjiżna jkollna wkoll miri ċari fi żvilupp ta’ politika u ħidma li qed jirnexxielha toħloq differenza.  Illum il-bidliet jistgħu jidhru.  L-impenn tal-Gvern mhux impenn ta’ ħidma astratta iżda impenn li huwa viżibbli u li qed jaġħti riżultati pożittivi.  

In-negozji ż-zgħar huma importanti ħafna f’kull ekonomija. Anki l-aktar pajjizi industrijalizzati, jiddependu hafna fuq in-negozji ż-zgħar biex l-ekonomija tagħhom tibqa b’saħħitha. Għalhekk l-attivita` kummerċjali f’pajjiżna kapaċi tikber u toħloq l-impjiegi kemm-il darba nagħmluha faċli biex self-employed u negozji żgħar ikunu jistgħu jaħdmu. Bħala Ministeru għal-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni l-objettiv tagħna hu wiehed car: Dak li nħallu lin-negozju jaħdem bl-inqas indħil possibbli u mingħajr xkiel.  

Iċ-Charter Ewropew għan-Negozji Żgħar kif kien maqbul mill-pajjiżi membri inkluż Malta, huwa l-ftehim ewlieni li fuqu l-Gvernijiet tal-Pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea qablu li ser jaħdmu flimkien biex f’kull pajjiż rispettiv ikun implimentat. Koperazjoni bħal din hija maħsuba li tgħin biex kull sid tan-negozju żgħir u kull self-employed tassew jingħata l-opportunita’ kif jixraqlu biex jirnexxi fin-negozju tiegħu u joħloq impjiegi ġodda. F’dan il-kuntest, meta ftit ta’ zmien ilu ndirizzajt lill-Kunsill tal-Ministri ta’ l-Unjoni Ewropea, jien għamiltha ċara li Malta ser tkun fuq quddiem nett biex tappoġġja l-isforzi kollha fil-promozzjoni tal-kompetittivita’ billi titfassal regolamentazzjoni aħjar f’kull livell.

Għalhekk, meta jigu identifikati oqsma ta’ politika bħala prijoritajiet għas-simplifikazzjoni ta’ legislazzjoni li jippromwovu l-kummerc, ir-riżultat aħħari jkun ta’ benefiċċju għall-Istati Membri kollha. Inizjattivi bħal dawn itejbu l-impatt amministrattiv u regolatorju fir-rigward ta’ l-intrapriżi kollha speċjalment l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.  

Illum meta nsemmu l-isforzi ta’ l-Unjoni Ewropea biex issir iktar kompetittiva’ ma nirriferux għall-aġenda ta’ Lisbona.  F’dan ir-rigward irrid inħabbar li l-Kumitat tal-Kabinett dwar il-Kompetittivita’ fil-ġimghat li gejjin ser ikompli jifrex il-proċess ta’ konsultazzjoni li diġa’ beda ma’ diversi setturi fl-industrija biex jitfassal il-pjan għar-riforma nazzjonali. Dan l-pjan nazzjonali mbaghad ser jiġi ntegrat fl-agenda  ta’ Lisbona sa Ottubru li ġej.  

Għodda importanti biex tgħin lin-negozjanti jagħtu garanzija li l-prodotti jew servizzi tagħhom jkunu ta’ kwalita’ tajba hija dik li jkollhom l-istandards tagħhom iċċertifikati. Huwa kruċjali li l-konsumatur jkollu kunfidenza fil-prodott jew servizz li jkun qed jixtri. Dan jista’ jintlaħaq fost l-oħrajn biċ-ċertifikazzjoni ta’ l-istandards. Illum, f’dinja li qegħda kontinwament tinbidel, dawn l-elementi huma vitali sabiex wieħed isaħħaħ l-operat tiegħu u jissodisfa bl-aktar mod sħiħ lill-konsumatur. Fl-aħħar mill-aħħar l-għan komuni ta’ kulħadd għandu jkun propju dan.


L-għarfien tal-ħtieġa taċ-ċertifikazzjoni ta’ standards fl-operat tagħna, flimkien ma’ l-assigurazzjoni ta’ kwalita’ fl-għoti fis-servizzi li noffru, jista’ jwassalna għall-mira tagħna li pajjiżna jzid fil-kompetittivita’ tiegħu.  

Hemm ħafna setturi fejn l-ispirtu imprenditorjali għandu lok fejn jikber.  Kif diġa’ ntqal it-tnaqqis tal-burokrazija hija waħda mill-prijoritajiet tal-Gvern biex jiffaċilita’ n-negozji ż-żgħar.  

L-Unjoni Ewropea tagħti importanza kbira lir-riżorsi umani fit-tkabbir ekonomiku.  Kif nafu, f’pajjiż bħal Malta, li hija nieqsa mir-riżorsi naturali; li iżda tiftaħar bir-raġun, bir-riżors uman tagħha, dan l-element għandu importanza akbar għat-tkabbir fl-ekonomija tagħna.  Illum qed titpoġġa enfasi kbira fuq soċjeta’ ibbażata fuq l-għarfien u l-informazzjoni.  

Il-Gvern ilu li għaraf l-importanza li l-pajjiż ikollu qafas tal-komunikazzjoni effiċjenti, modern u liberalizzat biex iwassal għal aktar tkabbir ekonomiku.  Bis-saħħa tal-ħidma kontinwa ta’ dan il-Gvern, Malta qegħda minn ta’ quddiem fl-użu ta’ l-informatika meta mqabbla mal-kumplament tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea.  Jien ċert li hemm potenzjal kbir ta’ tkabbir fl-attivita’ kummerċjali jekk iktar imprendituri Maltin jagħmlu użu mill-internet biex ifittxu businesspartners u prodotti ġodda.  L-enfasi allura għandha tkun illi n-negozjant Malti mhux biss juża l-internet biex ifittex informazzjoni imma li jibda joffri servizzi u informazzjoni hu stess u n-negozjanti u l-konsumaturi minn madwar id-dinja jkunu jistgħu jagħmlu kuntatt miegħu għal għanijiet ta’ kummerċ.    

Nixtieq nagħlaq dan id-diskors billi nisħaq dwar il-bżonn li l-pajjiż jagħmel sforz kollettiv biex jkun aktar kompetittiv.  Żgur li l-ħidma tas-Segretarju Parlamentari għan Negozji z-Żghar u Self Employed, Edwin Vassallo qed tħalli l-frott f’dan is-settur u żgur ukoll li l-pjan ta’ ħidma tal-Ministeru ser ikompli jipproduċi riżultati pożittivi.    

Jidher li fil-pajjiż issa kulħadd qed jifhem li biex niffaċċjaw il-kompetizzjoni dejjem tiżdied f’dinja dejjem aktar globalizzata, il-pajjiż ma jistax jingħalaq fih innifsu iżda jeħtieg li nwarrbu dawk il-prattiċi li jxekklu lin-negozji Maltin milli joffru servizzi u prodotti ta’ kwalita` bi prezz tajjeb. Jekk insaħħu l-imprenditorija jgawdi kulħadd: igawdu l-istess sidien tan-negozju, igawdu l-konsumaturi għax ikollhom iktar għazla minn fejn jixtru, u tgawdi l-ekonomija għax tkun tista tiġġenera aktar ġid u impjiegi. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow