DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IL-KONFERENZA NAZZJONALI ANNWALI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAĊ-CHARTER EWROPEW GĦAN-NEGOZJI Ż-ŻGĦAR – MALTA ENTERPRISE, SAN ĠWANN - 14 ĠUNJU 2005
Sinjuri ,
Qabel xejn nixtieq nifraħ lis-Segretarjat Parlamentari fi ħdan il-Ministeru għall-Kompetittività u l-Komunikazzjoni ta’ din l-inizjattiva tal-lum li ninsab ċert li ser isservi ħafna sabiex kollha kemm aħna nifmhu aktar x’inhu ċ-Charter Ewropew għan-Negozji ż-Żgħar u f’hix aħna fl-implimentazzjoni tiegħu.
Diġà għaddiet sena minn mindu Malta saret membru fl-Unjoni Ewropea. Mill-kuntatt li jkolli ma’ diversi minnkom, naf li din l-esperjenza ġdida ġabet magħha kemm opportunitatjiet kif wkoll sfidi, li nistgħu nirbħuhom biss jekk flimkien niffaċilitaw in-negozju u ntejjbu l-kompetittività. Irridu niffaċilitaw in-negozju jfisser li rridu naraw li ngħinu n-negozju jsir bl-inqas xkiel possibbli u bl-aktar effiċjenza possibbli. Irridu naraw lin-negozjanti jieħdu l-inizjattiva, jkomplu jinvestu, jużaw l-għajnuniet kemm tal-Gvern kif wkoll l-istrumenti tal-Unjoni Ewropea. Irridu naraw li noħolqu s-sinerġija meħtieġa bejn il-Ministeri, Dipartimenti u Awtoritajiet kollha li b’mod jew ieħor jirregolaw u jagħtu servizz lil min qiegħed fin-negozju. Irridu nkunu kapaċi nemmnu fil-ħiliet tagħna bħala poplu u pajjiż, bħala suq li kapaċi wkoll jikkompeti u jieħu l-opportunitajiet li jiltaqa’ magħhom.
Din l-esperjenza ġdida qed tixpruna lil pajjiżna biex jgħaddi minn bidla ta’ mentalità - mentalità aktar imprenditorjali. Mentalità li kapaċi toffri direzzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet li jsiru kuljum minn kull min huwa mistenni li jkun ta’ servizz, kemm fis-settur tas-servizz pubbliku, kif ukoll f’min huwa fis-settur kummerċjali.
Nemmen li pajjiżna jkun aktar kompetittiv kemm-il darba jkollna aktar għarfien ta’ l-importanza u r-rwol li s-settur tan-negozji ż-żgħar għandu fl-ekonomija tagħna. Dan is-settur huwa s-sinsla ta’ l-attività ekonomika u kummerċjali ta’ pajjiżna u huwa f’dan il-kuntest li l-Gvern jeħtieġ li jkun forċina ta’ appoġġ lil dan is-settur.
F’pajjiżna, bħalma jiġri f’pajjiżi oħra, l-agħar forma ta’ kompetizzjoni nġusta ssir minn dawk li mingħajr ma jkunu magħrufa bħala negozjanti jispiċċaw jagħmlu n-negozju b’detriment għal min qiegħed fin-negozju bis-sewwa. Il-ġlieda kontra l-abbuż kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-evażjoni tat-taxxi kif wkoll dwar min jaħdem jew iħaddem persuni illegalment hija ġlieda li bħala Gvern kommessi li nkomplu niġġielduha għaliex nemmnu li din it-tip ta’ attività therri l-kompettitività tas-suq kif wkoll tagħmel ħsara kbira lill-andament ekonomiku.
Anki għalikom, persuni li tinsabu fin-negozju, nemmnu li l-attakk kontra l-abbuż jgħinkom biex tiffunzjonaw aħjar għaliex jgħinkom tikkompetu, kif ngħidu bl-Ingliż, in a level playing field.
Bdejna wkoll proċessi ta’ simplifikar tal-proċeduri kollha amministrattivi u regolatorji. Dan irridu nagħmluh għal żewġ raġunijiet prinċipali. L-ewwelnett sabiex intejbu l-operat tal-Gvern u b’hekk jonqsu l-ispejjeż. It-tieni raġuni hija marbuta mat-tnaqqis ta’ l-ispejjeż u l-burokrazija marbuta mal-amministrazzjoni tan-negozji tagħkom. Il-Gvern jifhem li negozji żgħar għandom aktar piż xi jġorru sabiex jonoraw l-obbligi amministrattivi u regolatorji tagħhom.
Fix-xhur li ġejjin sejrin nkunu qed nagħtu spinta lil dan il-proċess u l-ħsieb tagħna huwa li ninċentivaw lil dan is-settur sabiex jinvesti, jiġġenera l-ġid u l-impjiegi, u jiffoka aktar l-enerġiji tiegħu fuq it-tkabbir tan-negozju u anqas fuq il-ħarsien ta’ l-obbligi burokratiċi. Dan ma jfissirx li ha nneħħu dawn l-obbligi, imma li l-amministrazzjoni tal-Gvern twennes lil dan is-settur importanti sabiex jikber u jitkattar.
Għalhekk iżjed ma tingħata importanza lill-implimentazzjoni taċ-Charter Ewropew għan-Negozji Żgħar iżjed naslu biex bħala pajjiż inżidu l-kapaċità kompetittiva tas-settur kummerċjali u industrijali tagħna.
Nawgura li nilħqu livell ogħla ta’ sinerġija bejn dawk kollha nvoluti biex naraw li niżviluppaw dik l-attenzjoni u l-għajnuna li rridu nagħtu lil min qiegħed fin-negozju. Hekk nibdew naraw politika li ssir bl-istess ħeffa li jsir il-kummerċ u bl-istess enerġija li għandhom il-kummerċ u l-industrija tal-manifattura.
Persważ li naslu. Persważ li jekk naħdmu flimkien u fl-interess komuni ta’ kulħadd ikollna ekonomija b’saħħitha u li tiġġenera l-ġid u l-impjiegi. Żgur li f’pajjiżna ma’ rridux li jkollna la ‘cartels’ u lanqas ‘cowboys’ u għalhekk irridu nħarsu mhux biss l-interessi tagħkom bħala negozjanti, imma wkoll tal-konsumaturi. Ippermettuli nirrimarka fuq xi ħaġa li naħseb li s-settur kummerċjali għandu bżonn jaħdem aktar fuqha: it-titjib li hemm bżonn isir fuq kif jingħata s-servizz lill-konsumatur.
Fid-djalogi li qed ikolli ma’ diversi setturi tal-poplu Malti u Għawdxi, qed joħroġ ċar il-bżonn li ntejjbu l-kultura ta’ kif noffru s-servizzi tagħna. Dan ifisser, imġieba aħjar u aktar pjaċevoli fil-ħwienet, garanziji ta’ servizz bla inkwiet lill-konsumatur, attitudni pożittiva lejn it-turist, titjib fil-livelli tal-għoti tas-servizzi billi jinżammu l-wegħdiet li jkunu saru (bħal per eżempju d-dati sa’ meta għandu jingħata s-servizz) fost l-oħrajn.
Nemmen li jrid isir aktar investiment fir-riżorsi umani sabiex in-negozju ma’ jkunx biss immotivat mill-profitt imma wkoll minn livelli għolja ta’ għoti tas-servizz, sabiex l-esperjenza kummerċjali tkun waħda pjaċevoli għall-konsumatur.
Nieħu pjaċir ninnota li diversi minnkom dan diġà qed jagħmluh. Pero’ naħseb li għad hawn setturi li bl-attitudni tiegħhom qed jagħmlu reklam ħażin ħafna lis-settur kummerċjali kollu, kemm mal-Maltin u aktar u aktar mat-turisti li jiġu jżurna.
Sar ħafna, wasalna biex biddilna ħafna, iżda jonqos iżjed xi jsir, u flimkien irridu naslu biex inħaddmu aħjar l-ekonomija biex ikollna suq attiv u ta’ suċċess. Kull sforz huwa mistenni minn min qiegħed fin-negozju u mill-amministrazzjoni tal-Gvern biex jinħoloq l-aħjar ambjent u ċirkustanzi fejn il-kummerċ jikber u flimkien jinħolqu aktar postijiet ta’ xogħol.
Iċ-Charter Ewropew għan-Negozji Żghar huwa l-gwida ta’ kif għandhom jimxu l-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea kif ukoll diversi pajjiżi oħra li b’xi mod jew ieħor għandhom xi ftehim ta’ koperazzjoni ma’ l-Unjoni Ewropea. Dawn kollha jużaw dan iċ-Charter bħala direzzjoni fl-iżvilupp tal-politika tagħhom lejn kisba ta’ kompettittiva’ akbar u aħjar għall-ekonomiji tagħhom. B’dan il-mod mal-pajjiżi kollha ta’ l-Unjoni Ewropea u l-ġirien tagħhom, qed ikun hemm ċertu sinerġija fil-mod ta’ kif qed jittieħdu d-deċiżjonijiet fir-relazzjoni man-negozji żgħar.
Flimkien ma’ pajjiżi oħra, il-ħidma ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan iċ-Charter minn Malta qed tkun ikkumparata ma’ ta’ pajjiżi oħra. Dan ifisser li pajjiżna qed jikkompeti biex ikun fost l-iżjed pajjiżi kompetittivi kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fis-suq globali.
Dan iċ-Charter huwa l-għodda ta’ kull Ministeru, Dipartiment u entità pubblika. Nittama li jkollna dik is-sinerġija biex l-implimentazzjoni tkun suċċess. Dak is-suċċess jista’ biss jitkejjel minn kemm ser norjentaw ruħna favur il-ħolqien ta’ ambjent li jiffovorixxi s-suq, u għalhekk jiffoka fuq kif nistgħu niffaċilitaw il-kummerċ u b’hekk inħajjru aktar investiment. F’dan is-sens ic-Charter Ewropew għandu jitqies bħala l-ftehim li kapaċi jagħtina l-aħjar direzzjoni fil-ħidma tagħna lkoll.
Kif diġà għidt l-aġenda tal-Gvern hija ċara: li niffaċilitaw in-negozju u naraw li min jinvesti u jrid jaħdem isib ambjent li jgħinu u li jagħmilhielu aktar faċli, filwaqt li jibqgħu jitħarsu l-obbligi amministrattivi u regolatorji.
Jiena nemmen li pajjiżna kapaċi jikber daqskemm ser jirnexxielna nkabbru l-attività ekonomika. Il-potenzjal ekonomiku ta’ pajjiżna ma’ jitqiesx biss mill-investiment barrani imma wkoll mill-attività fis-suq intern tiegħu.
Ir-rwol tas-self-employed u tan-negozji żgħar għaldaqstant huwa kruċjali. Il-prudenza, l-għaqal u strateġija mibnija fuq il-ħarsien fit-tul għandhom jieħdu prijorità fuq deċiżjonijiet ta’ malajr u li jirrendu biss qliegħ li ma’ jsostnix fit-tul. Grazzi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946