ĦTIEĠA LI L-KAP TA’ L-OPPOŻIZZJONI JIEQAF JAGHMEL BALLUN POLITIKU MILL-VALUR TAL-LIRA MALTIJA
F’diskors li għamel il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni l-Onor Alfred Sant f’attivita’ politika f’San Pawl il-Baħar nhar il-Ħadd 12 ta’ Ġunju 2005, huwa qal li l-Lira Maltija tilfet 3% mill-valur tagħha meta mqabbla mad-Dollaru u l-Isterlina.
Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, jew għax ma jifhimx fis-settur tal-kambju jew għax irid iħawwad l-imħuħ, qed jagħmel konfużjoni bejn tibdil fil-valur ta’ munita minħabba ċaqliq fis-swieq finanzjarji li hu determinat mill-forzi tas-suq, u żvalutazzjoni, li hi deċiżjoni meħuda konxjament minn Gvern biex inaqqas il-valur tal-munita tiegħu kontra l-muniti kollha, kif kien ippropona l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni f’Diċembru li għadda (referenza L-Orizzont, 13 ta’ Diċembru 2004).
Wieħed jispera li l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni hu nfurmat li l-Lira Maltija minn dejjem kienet tiċċaqlaq mal-muniti l-oħra li kienu jagħmlu parti mill-basket ta’ muniti, u għaldaqstant tissaħħaħ kontra xi wħud u tiddgħajjef kontra xi oħrajn. Fis-sentejn 2000 – 2001, per eżempju, issaħħet b’2.0% kontra l-Lira Ingliża u b’3.5% kontra l-EURO u ddgħajfet b’9% kontra d-Dollaru Amerikan.
Tajjeb li jingħad ukoll li dak li qed jiġri llum m’hu xejn differenti. F’dawn l-aħħar xhur, id-Dollaru u il-Yen iddgħajfu għal livelli mhux normali fil-konfront tal-EURO u għaldaqstant tal-Lira Maltija. Dan kien qed iweġġa’ lill-kumpaniji f’pajjiżna li jesportaw bid-Dollaru Amerikan. Issa għax id-Dollaru reġa’ beda jirkupra, dak li kien tilef fix-xhur li għaddew, il-Kap ta’ l- Oppożizzjoni qed joħroġ jgħid li l-EURO u l-Lira Maltija ġew żvalutati.
Kieku konna bil-basket tal-muniti kif kien sa’ l-aħħar ta’ April, dan iċ-ċaqliq kien ikun xi ftit inqas. Fl-istess ħin pero’, l-Lira Maltija kienet tissaħħaħ kontra l-EURO b’xi 1%. Iżda bis-sistema l-ġdida, mit-2 ta’ Mejju ‘l hawn, il-Lira Maltija baqgħet fissa ma’ l-EURO, jiġifieri ma tlifniex il-kompetittivita’ fis-swieq ta’ l-Ewropa waqt li qed titjieb fis-swieq li jużaw id-Dollaru. Dan huwa importanti ħafna għall-ekonomija Maltija għaliex dawn huma il-pajjiżi li l-aktar nagħmlu kummerċ magħhom.
L-ewwel, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jrid jiddeċiedi xi jrid. Meta l-Lira Maltija kienet issaħħet ħafna kontra d-Dollaru Amerikan bejn l-2002 u l-2004, ħassu nkwetat għal dawk id-ditti li jesportaw u jitħallsu bid-Dollaru. Illum dawn id-ditti qed jibbenefikaw mill-fatt li l-Lira, bħal ħafna muniti oħra fid-dinja, waqgħet kontra d-Dollaru u l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni xorta qed jiddispjaċiħ.
It-Tieni, ir-rabta tal-Lira Maltija mal-EURO qed tfisser li issa il-Munita Maltija għandha aktar stabbilita’. Il-poplu Malti llum jaf li l-valur tal-Lira Maltija ma’ l-EURO illum, għada, jew sena oħra ser jibqa’ l-istess, u għaldaqstant jonqos kull skop ta’ spekulazzjoni bla bżonn.
Bid-diskors li għamel f’dawn l-aħħar xhur, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni ħoloq instabbilita’ bla bżonn fuq il-Munita Maltija u dan ġie rifless fit-tnaqqis li kellna fir-riżervi tal-Bank Ċentrali. Id-deċiżjoni tal-Gvern li jdaħħal il-Lira Maltija fil-mekkaniżmu tal-ERM II, kellha effett pożittiv u mixtieq għax reġgħet ingħatat l-istabbilita’ tant meħtieġa lill-Munita Maltija u għaldaqstant lill-ekonomija ta’ pajjiżna.
M’hemmx lok għall-opportuniżmu politiku f’dawn l-affarijiet. Hu ttamat li l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jifhem li m’hawn l-ebda sistema li tiggarantixxi li l-valur ta’ munita jibqa’ l-istess kontra l-muniti l-oħra kollha minn ġurnata għall-oħra.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946