Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. TONIO BORG, VIĊI PRIM MINISTRU U MINISTRU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN, FIL-FTUĦ TA’ KWARTIERI ĠODDA GĦALL-ISCOUTS TA’ Ħ’ATTARD – ATTARD – 12 ĠUNJU 2005

PR0875
Date Icon 13/06/2005

Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija li qiegħed preżenti hawn illum fl-inawgurazzjoni tal-Head Quarters il-ġdid tal-grupp ta’ l-iScouts ta’ Ħ’Attard. Dan il-post, il-Biċċerija l-Qadima, sentejn ilu ngħata, wara riżoluzzjoni fil-Parlament, b’ċens mill-Gvern lill-iScouts bħala parti mill-politika tal-Gvern ta’ devoluzzjoni ta’ proprjetà tal-Gvern lill-Kunsilli Lokali, għaqdiet sportivi u organizzazzjonijiet oħra.  

Okkażjonijiet bħal dawn saru komuni għax il-Gvern s’issa digà għadda numru konsiderevoli ta’ proprjetà u faċilitajiet bħala devoluzzjoni. Dan għax tassew jemmen li kemm il-Kunsilli Lokali u kemm għaqdiet sportivi u volontarji huma kapaċi jużaw bl-aħjar mod proprjetà pubblika għall-ġid tas-soċjetà Maltija. Eżempji nista’ nsemmi ħafna. Minn ġonna sa mtieħen, minn bini antik sa shelters ta’ żmien il-gwerra.  Il-fatti juru li l-Gvern kellu raġun għax illum ħafna proprjetajiet li qabel kienu mitluqa qed jintużaw biex ixerrdu l-kultura ta’ pajjiżna jew għal skopijiet sportivi jew soċjali.  

Illum, madwar id-dinja qed jiġi mfakkar il-Jum kontra ċ-Child Labour, l-isfruttament tat-tfal fid-dinja tax-xogħol. Il-Moviment ta’ l-iScouts għandu relazzjoni twila ma’ l-International Labour Organisation u l-Programm kontra l-Eliminazzjoni taċ-Child Labour. Fil-fatt fl-1993 il-Konferenza Dinjija ta’ l-iScouts kienet għaddiet riżoluzzjoni u talbet lill-Moviment ta’ l-iScouts jaħdem biex iqajjem kuxjenza dwar il-problema ta’ l-esplojtazzjoni tat-tfal fid-dinja tax-xogħol. Is-sena li għaddiet imbagħad, ġie iffirmat memorandum of understanding ma’ l-ILO għal koperazzjoni ikbar f’dan il-qasam.  

Sfortunatament madwar id-dinja, l-iktar fil-pajjiżi tat-tielet dinja, hawn miljuni, l-ILO tgħid li l-figura hija qrib il-250 miljun, ta’ tfal sfruttati fid-dinja tax-xogħol – tfal li minflok qegħdin fuq il-bank ta’ l-iskola jibnu futur, għal $15 fil-gimgħa jqattgħu l-ġurnata jaħdmu fil-minijieri jew fil-barrieri, inkella jaħdmu fuq magni ta’ produzzjoni.  

Għall-grazzja t’Alla t-tfal tagħna ħafna mill-ħin tagħhom iqattgħuh jew l-iskola jew jilgħabu inkella f’attivitajiet organizzati minn movimenti bħall l-iScouts. Baden-Powell kien ried isejjaħ l-iScouts bħala moviment għax riedu jkun attiv u dinamiku u mhux statiku, għaqdiet oħra li jsawru valuri fic-ckejknin tagħna. B’dan kollu m’għandniex ninsew lil min ma jafx x’inhi tfulija u għandna naħdmu u nistinkaw biex dan l-isfruttament jispiċċa.  

Il-Moviment li waqqaf Baden-Powell fl-1908 illum jiġbor fiħ kważi 28 miljun scouts imxerrda f’216 il-pajjiż jew territorju. F’Malta l-iScouts għandhom storja twila ghax kienu minn ta’ l-ewwel li ġew stabbiliti, u llum jgħoddu għal madwar 1,800 tfal, zgħażagħ u adulti. F’dawn l-aħħar disgħin sena madwar id-dinja kien hemm nofs biljun membri fil-moviment ta’ l-iScouts li bħalissa għaddej minnfażi oħra ta’ evoluzzjoni tiegħu u qed jistabilixxi ruħu f’pajjiżi tal-Lvant fejn qabel kien hemm ħakma komunista.  

Il-missjoni ta’ l-iScouts hija li tikkontribwixxi għall-edukazzjoni taż-żgħażagħ, permezz ta’ sistema bbażata fuq wegħdiet, biex tinbena dinja aħjar fejn kull individwu għandu rwol fis-soċjetà. Dan isir permezz li l-iScouts jiġu nvoluti sa miċ-ċokon f’edukazzjoni mhux formali bi tnissil ta’ valuri religjużi u soċjali.

Nawgura li dan il-post iservi biex jagħti formazzjoni lil iktar tfal u żgħażagħ minn Ħ’Attard u jnissel fihom sens ta’ solidarjetà ma’ l-ambjent ta’ pajjiżna, ma’ sħabhom, ma’ dawk kollha li jiffurmaw is-soċjetà Maltija u anki ma’ tfal u żgħażagħ oħra li sfortunatament għadhom ma kisbux id-dritt għat-tagħlim u l-formazzjoni.   

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow