ŻJARA TA’ KORTESIJA LILL-VIĊI PRIM MINISTRU U MINISTRU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni, is-Sur Peter Straub dal-għodu għamel żjara ta’ kortesija lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, responsabbli mill-Gvern Lokali, l-Onor. Tonio Borg. Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni jinsab Malta biex jieħu sehem fil-laqgħa tal-Kummissjoni tal-Kostituzzjoni li ser tiltaqa’ nhar it-Tlieta.
Il-Kumitat tar-Reġjuni twaqqaf fl-1994 bil-għan li jagħti vuċi lill-awtoritajiet reġjonali u lokali ta’ l-Unjoni Ewropea. Malta issieħbet f’dan il-Kumitat mas-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea. Meta wieħed jiftakar li 75% tal-leġislazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea tiġi implimentata f’livell reġjonali jew lokali huwa importanti li rappreżentanti mill-awtoritajiet reġjonali u lokali, li huma l-iktar qrib iċ-ċittadin, jkunu involuti fit-tfassil ta’ dawn il-liġijiet.
Il-Viċi Prim Ministru u s-Sur Peter Straub tkellmu dwar il-laqgħa tal-Kummissjoni tal-Kostituzzjoni fi ħdan il-Kumitat tar-Reġjuni, li ser tiltaqa’ Malta biex tiddiskuti l-Kostituzzjoni Ewropea u l-iżviluppi li kien hemm fil-proċess ta’ ratifikazzjoni. Din ser tkun l-ewwel darba li l-Kumitat tar-Regjuni qed jiltaqa’ f’Malta.
Huma ddiskutew ukoll il-Kostituzzjoni Ewropea li wieħed mill-prinċipji fundamentali tagħha huwa s-sussidjarjeta’. Il-Ministru Borg qal li dan huwa aspett li jinteressa b’mod partikolari lill-Kumutat tar-Reġjuni għaliex skond il-Kostituzzjoni l-poteri tal-Parlamenti Nazzjonali u l-Kumitat tar-Regjuni se jissaħħu.
Huwa awgura success u xogħol fejjiedi matul il-laqgħa. Kemm idum Malta is-Sur Peter Straub ser ikollu diversi laqgħat fosthom waħda mal-Prim Ministru.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946