Left arrow Mur Lura

SER JITWAQQAF ‘eCRIME WORKING GROUP’

PR0869
Date Icon 10/06/2005

Kien hemm qbil li jitwaqqaf eCrime Working Group li jġib numru sostanzjali ta’ entitajiet madwar mejda biex jiddiskutu u jesploraw metodi ġodda ta’ kif nimplementaw aktar sigurtà fl-infrastruttura teknoloġika lokali. Dan kien ir-riżultat ta’ diskussjoni li saret fi ħdan sessjoni oħra tal-Kunsill Konsultattiv dwar Soċjetà ta’ l-Informazzjoni (NISCO).  

It-tema tas-sessjoni ta’ llum kienet is-sigurtà fil-qasam ta’ l-elettronika. Il-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni, l-Onor. Austin Gatt spjega li madwar id-dinja, l-awtoritajiet qed jagħtu importanza kbira lis-sigurtà, u din tinkludi wkoll is-sigurtà fuq l-Internet. It-Teknoloġija aktar ma jgħaddi iż-żmien, aktar qed issir parti integrali fil-ħajja tagħna ta’ kuljum u għalhekk huwa importanti ħafna li nassiguraw rwieħna waqt li qed nużaw ir-riżorsi li l-Internet għandu x’joffrielna. Madankollu huwa fakkar li biex tingħata iktar importanza lejn is-sigurtà hemm bżonn li jkun hemm bidla fil-kultura u l-mentalità tal-poplu Malti li normalment huwa meqjus pjuttost avvers għas-sigurtà.  

Bil-miżuri ġodda li ssemmew illum għandna nagħmlu pass ’il quddiem lejn l-għan tagħna, li hu dak li jkollna Internet sikur u li jista’ jużah kulħadd mingħajr il-biża li jsofri xi ħsara kawżata minn nies bi skopijiet ħżiena.  

Il-Ministru Gatt saħaq li l-informazjoni li jżommu fis-sistemi tagħhom il-kumpaniji hija prezzjuża għall-istabbilità tan-negozju tagħhom, u t-telf ta’ din l-informazzjoni taf tikkawża ħsara drastika u tibdel totalment l-andament tan-negozju. Għalhekk għandna nieħdu kull azzjoni neċessarja bl-akbar kawtela u għall-ġid ta’ kulħadd. Huwa appella li nżommu f’moħħna l-importanza li kull azzjoni li tittieħed, tittieħed fuq bażi nazzjonali u bil-kollaborazzjoni bejn l-entitajiet kollha. Kulħadd għandu riżorsi differenti u b’nies bi speċjalizzazzjonijiet differenti, u dawn jistgħu jagħmlu ħafna ġid fl-implimentazzjonijiet ta’ dawn il-proġetti li qed iħejji l-Gvern.  

Il-Ministru Austin Gatt saħaq ukoll li qed inħejju għar-ratifika tas-Cyber Crime Convention biex Malta ukoll tkun fuq l-istess livell leġislattiv ta’ pajjiżi oħra. Mhux biss iżda “ser nirrevedu l-liġi attwali dwar is-Cyber Crime. Bir-rata ta’ żviluppi li qed timxi biha t-teknoloġija, wasal iż-żmien li dawn ukoll jiġu riflessi fil-liġi lokali, biex b’hekk ma jkollniex possibilitajiet minn fejn wieħed jista’ jaħrab mil-liġi għal xi atti li jkun wettaq.”

Il-Gvern qed jippjana wkoll leġislazzjoni kontra l-Grooming. Il-problema ta’ abbużi fuq tfal minn dejjem kienet eżistenti, iżda bit-teknologija tal-lum, din ġiet estiża, u l-pedofeli sabu fl-Internet il-mezz li bih jistgħu jaġixxu mingħajr ma juru l-identità tagħhom. Sal-ġurnata tal-lum, il-liġi ma tħallikx tressaq bniedem il-qorti fuq bażi ta’ komunikazzjonijiet li jkollu mat-tifel jew tifla. Din il-liġi ser tagħti ħafna importanza għal dan, u persuna tista’ titressaq il-qorti qabel ma’ l-abbuż u l-ħsara jkunu ġraw.

Apparti dan, il-Ministru Austin Gatt ħabbar ukoll li ser jitwaqqaf 24-hour hotline nazzjonali fejn wieħed jista’ jirraporta xi abbużi li jkun iltaqa’ magħhom fuq l-Internet. Din ser tiffoka l-aktar fuq abbużi fuq minuri li jistgħu jibdew min fuq l-Internet. Dan minbarra impenn biex insaħħu l-operat u r-riżorsi tas-Cyber-Crime Unit fil-Pulizija. Dawn in-nies jenħtieġu taħriġ kontinwu biex ikunu jistgħu jagħtu servizz aħjar u jinfurzaw il-liġi.

Waqt is-sessjoni ta’ llum kien hemm ukoll il-preżentazzjoni ta’ dokument bil-għan li li jkun hemm diskussjoni dwar l-Internet Protocol version 6. (IPv6) Fil-preżentazzjoni li saret, intqal li f’dawn l-aħħar ħames snin, l-IPv6 evolva b’mod rapidu. L-avvanz teknoloġiku li għamlu ħafna pajjiżi ifisser illi din it-teknoloġija ser issir il-qafas ta’ l-Internet. Kien għalhekk li nħasset il-ħtieġa li tiġi mwaqqfa ‘task force’ li ġġib flimkien l-organizzazzjonijiet involuti f’dan is-settur sabiex jiġi provdut impetu għall-introduzjoni tal-IPv6 f’pajjiżna.

Il-Ministru Austin Gatt appella biex ikun hemm il-parteċipazzjoni ta’ kulħadd fil-proċess li għandu jwassal għal deċiżjoni dwar dan. “Huwa essenzjali li nħarsu lejn dan mill-aspett li jekk il-pajjiż jibqa’ lura minn din il-bidla, ikun qed jirriskja li jkollu implikazzjonijiet opposti għal dak li ġie deskritt bħala teknoloġija importanti fil-missjoni li nnaqqsu l-firda diġitali.”

Presentation pr0869a pdf file

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow