INSAĦĦU L-IDENTITA’ U NKATTRU N-NUMRU TA’ TURISTI
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li l-kultura f’pajjiżna tilħaq żewġ miri: dik li nkomplu noħorġu aktar l-identità tagħna bħala poplu Malti u li nkattru s-settur tat-turiżmu kulturali li llum hu l-aktar niċċa importanti fil-qasam turistiku.
Il-Ministru Zammit Dimech, li kien qed jindirizza Business Breakfast bit-tema Culture and the Hospitality Industry, qal li l-kultura tagħna tagħżilna minn kull nazzjon ieħor filwaqt li l-arti Maltija kienet l-aqwa reklam għal Malta. Hu qal li kif kellu l-okkażjoni jgħid kemm il-darba, l-identità tagħna kienet xprun ewlieni biex ksibna l-Indipendenza fl-1964.
Illum, li Malta hi membru ta’ l-Unjoni Ewropea, hu importanti li nsaħħu din l-identita’. Kompla jgħid li f’dan ir-rigward l-Unjoni Ewropea, li hi marbuta li tirrispetta d-diversità tal-kulturi u l-identita’ tal-pajjiżi membri, tgħin biex tippromwovi dawn il-kulturi anke permezz ta’ programmi u fondi.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li mira tal-Gvern kienet li jressaq il-kultura lejn il-poplu u t-waqqif ta’ Heritage Malta kien pass f’din id-direzzjoni. Hu qal li minn informazzjoni li ta fil-Parlament jirriżulta li kien hemm aktar minn 1.2 miljun persuna li żaru siti amministrati minn Heritage Malta . Hu qal li jemmen li kien wasal iż-żmien li jinstab il-mezz li nkunu nafu kemm minn dawn il-persuni huma Maltin biex hekk ikollna indikazzjoni dwar jekk l-interess fil-wirt kulturali ta’ pajjiżna mill-Maltin hux jiżdied, u b’kemm.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li min-naħa l-oħra, is-settur tal-kultura u l-patrimonju kien jattira lejn pajjiżna 190,000 viżitatur. Hu qal li dan is-settur kien wieħed minn dawk li hu l-aktar mxerred mas-sena kollha b’14 fil-mija tal-viżitaturi jiġu Malta fix-xitwa, 27 fil-mija fir-rebbiegħa, 38 fil-mija fis-sajf u 21 fil-mija fil-ħarifa. Francis Zammit Dimech qal li dan is-settur jiġġenera madwar Lm75 miljun fis-sena. Dan is-settur kien jagħmel tajjeb għal 17 fil-mija tan-nefqa kollha tat-turisti u 16 fil-mija tan-numru ta’ turisti li jżuruna.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li bħala Maltin aħna kburin li magħrufin għall-ospitalità tagħna. Hu qal li huwa fatt li aħna lesti nagħmlu dik ix-xi ħaġa aktar biex min ikun qed iżurna jħossu milqugħ. Hu qal li spiss kien jiltaqa’ ma’ turisti li jgħidulu kif baqgħu impressjonati meta kellhom bżonn l-għajnuna jew xi informazzjoni u sabu Maltin li għamlu aktar milli mistenni sabiex jgħinuhom.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li huwa fatt daqstant komuni li naraw ilmenti minn turisti u anke minn Maltin dwar it-tip ta’ servizz li jingħata f’xi ristoranti, lukandi u postijiet fejn klijent imur biex jingħata servizz. Hu qal li donnu illi meta niltaqgħu ma’ turisti u noffru xi għajnuna jew servizz b’mod volontarju nimxu mod, imma meta niltaqgħu ma’ turist fuq ix-xogħol nimxu mod ieħor. “Hemmhekk qisu għal xi wħud, it-turist sar piż, igorru għax bilfors,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li r-realtà hi li meta klijent, turist jew Malti, jixtri servizz, ma jkunx qed iħallas biss għas-servizz imma jkun qed iħallas ukoll għal mod kif jingħata s-servizz. Hu ta eżempju ta’ turist li jħallas biex jidħol jara sit storiku. Dan ma jkunx qed iħallas biss biex jara s-swali u l-oġġetti esebiti imma jkun qed iħallas għall-esperjenza li tibda mill-persuna li tilqgħu fil-bieb sal-mument li jgħaddi mill-bieb tal-ħruġ. Kull ma jsir f’dan il-perjodu se jaffettwa l-livell ta’ sodisfazzjon tal-viżitatur. Hu qal li ħafna drabi dik il-persuna li tkun se tbiegħlu l-biljett tkun l-ewwel kuntatt u għalhekk jiddependi ħafna fuqha x’se tkun l-ewwel impressjoni.
Hu qal li darba ra frażi li kienet laqtitu ħafna: “there is no second chance to give a favourable first impression”. Hu tenna li din il-frażi għandna nżommuha f’rasna meta nkunu qed noffru servizz.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Gvern hu konxju mix-xogħol li għandna quddiemna sabiex intejbu l-preżentazzjoni tal-patrimonju tagħna u kien daqstant konxju mix-xogħol siewi li qed tagħmel Heritage Malta għal dan il-għan. Hu qal li dan huwa xogħol li jirrikjedi investiment qawwi u żmien. Hu fakkar li xogħol beda jsir u nistgħu diġà naraw siti bħal l-Ipoġew u d-Domus Romana li huma ta’ livell għoli ferm.
“Il-programm ta’ ħidma se jkompli bil-proġetti ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra f’Malta u tal-Ġgantija f’Għawdex. Sakemm jitwettqu dawn il-proġetti nistgħu ntejbu l-prodott tagħna billi ngħollu l-livell ta’ servizz li nagħtu lil min iżurna. Xi kultant tbissima waħedha tista’ tagħmel dan. Ma rridx nidher li qed nissimplifika dan is-suġġett, imma nħoss li ħafna drabi kull m’għandna nagħmlu hu li meta nkunu qed nagħtu servizz inpoġġu lilna nfusna fil-pożizzjoni ta’ min qed iħallas għas-servizz,” kompla jgħid il-Ministru Zammit Dimech.
Huwa qal li ħa pjaċir li dan il-kors qed isir minn lukanda li hija rinomata għas-servizz tajjeb li toffri. Hu qal li ħa pjaċir ukoll għax jemmen li hemm bżonn li f’pajjiżna nitgħallmu naqsmu il-good practices ma’ xulxin. Hu qal li kulħadd jaqbel li t-turiżmu jiekol minnu kulħadd u li kulħadd b’għemilu jista’ jgħin jew itellef it-turiżmu. Hu qal li kien ġħalhekk jagħmel sens li nitgħallmu mit-tajjeb ta’ xulxin.
Il-Ministru Zammit Dimech għalaq billi awgura esperjenza siewja lill-parteċipanti biex dak li kienu se jiddiskutu u jitgħallmu llum jieħduh lura fuq il-post tax-xogħol.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946