Left arrow Mur Lura

DIVERTIMENT U SOLIDARJETÀ FIL-PRATTIKA

PR0845
Date Icon 09/06/2005

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech kien il-kelliem ewlieni waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret biex jingħataw dettalji dwar il-kunċert f’Malta ta’ l-Australian Pink Floyd. 

L-Australian Pink Floyd Show twaqqfet f’Adelaide, l-Awstralja fl-1988. Fl-1993 kienu l-ewwel Pink Floyd tribute band li daru r-Renju Unit, u bdew bl-ewwel Pink Floyd fan convention fiċ-Ċentru tal-Konvenzjoni f’Wembley. L-Australian Pink Floyd fl-1996 saru l-unika Floyd tribute band li kienu mitluba jieħdu sehem f’Londra fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ għeluq il-50 sena ta’ David Gilmour, membru mill-grupp oriġinali tal-Pink Floyd. Fl-1998 l-Australian Pink Floyd taw wirja fi Glastonbury Festival, l-akbar festival mużikali annwali fir-Renju Unit. Fis-26 ta’ Novembru 2001 l-Australian Pink Floydkienu l-uniku Floyd tribute fid-dinja li taw wirja fir-Royal Albert Hall f’Londra.  

Biex ifakkru it-30 anniversarju ta’ l-album tal-Pink Floyd “Wish You were Here”, il-kumpanija Pres-Production and Event Services, se jġibu f’Malta lill-Australian Pink Floyd għal spettaklu ta’ sagħtejn u nofs, akkumpanjat minn dwal sensazzjonali, projezzjoni u laser show u sistema imponenti ta’ ħoss.  Il-kunċert se jsir fil-Luxol Grounds fil-25 ta’ Ġunju u parti mid-dħul se jmur għall-Fondazzjoni Eden .  

Il-Ministru Zammit Dimech qal li kunċerti bħal dawn saru parti mill-kalendarju kulturali ta’ kull sajf u kienu mhux biss mistennija b’ħerqa mill-Maltin iżda kienu anke jwasslu biex jattiraw lejn pajjiżna turisti li jiġu apposta biex isegwu avvenimenti ta’ dan it-tip. Hu fakkar li kull sajf qed ikollna kunċert minn kantanti jew mużiċisti ta’ fama internazzjonali li flimkien ma’ attivitajiet bħal dawk tal-Jazz Festival u l-Festival tal-Logħob tan-Nar qed jagħtuna staġun kulturali interessanti u ta’ attrazzjoni għalina l-Maltin u l-barranin li jkunu fostna.  

Francis Zammit Dimech qal li attivitajiet bħal dawn anke jwasslu biex jippromwovu lil Malta bħala ċentru kulturali. Hu qal li l-fan club tal-Pink Floyd  fl-Italja mhux talli qed jirreklama dan il-kunċert bħala kunċert mill-akbar u spettakolari, iżda qed jinforma lill-fans tal-Pink Floyd fl-Italja li jridu jattendu għal dan il-kunċert li hemm aġenzija ta’ l-ivjaġġar Maltija li qed toffri pakkett għal min irid jiġi Malta.  

“Pajjiżna qed jaħdem biex ikabbar id-dħul tiegħu mit-turiżmu. Dan jirnexxielna nagħmluh biss jekk intejjbu l-prodott tagħna u billi nattiraw lejn Malta viżitaturi li jiġu għal turiżmu partikolari bħal dak tal-konferenzi u l-inċentivi. Minkejja li fl-ewwel erba’ xhur tas-sena kien hemm tnaqqis minimu fit-turiżmu ta’ 0.4 fil-mija fl-istess perijodu d-dħul kien ta’ 1.8 fil-mija aktar, bir-riżultat li l-infiq mit-turisti kien ta’ Lm1.5m aktar,” qal il-Ministru Zammit Dimech.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li kien ta’ pjaċir jinnota li parti mid-dħul minn dan il-kunċert kien se jmur għal skop filantropiku, biex jgħin lill-Eden Foundation li qed tikkontribwixxi bis-sħiħ lejn il-bżonnijiet ta’ dawk inqas fortunati. Hu qal li inizjattivi ta’ din il-għamla kienu juru li l-Maltin mhux biss jemmnu fis-solidarjetà iżda anke jipprattikawha.  

Il-Ministru Zammit Dimech irringrazzja lil kull min ta sehemhu biex dan il-grupp jinġieb Malta u awgura kull suċċess lill-organizzaturi.  

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow