IL-GVERN INTERESSAT LI JLESTI L-PROĠETT TA’ TA’ QALI
Il-proġett ta’ Ta’ Qali huwa proġett li jistimola t-turiżmu u l-prodott Malti u l-Gvern jrid jara dan il-proġett jitwettaq kemm jista’ jkun malajr. Biex dan iseħħ jeħtieġ il-koperazzjoni tal-partijiet kollha konċernati u l-Gvern matul dawn l-aħħar xhur impenja ruħu b’mod intensiv sabiex jagħlaq il-kwestjonijiet pendenti u l-proġett jiġi varat.
B’referenza għal dak li ġie rappurtat mill-Media, il-Prim Ministru eżamina fid-dettal il-kwestjonijiet imqajma mis-sidien tal-Huts u l-implikazzjonijiet kollha tagħhom. Il-Gvern huwa konvint li l-kwestjonijiet pendenti jistgħu jinstabu soluzzjonijiet għalihom permezz tad-diskussjonijiet bejn il-partijiet kollha. Huwa propju għalhekk li l-Prim Ministru nkariga lis-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo biex jidħol fid-dettal ta’ kull problema eżistenti biex jinstabu soluzzjonijiet ħalli l-proġett jaqbad jimxi b’ritmu mgħaġġel.
Il-kundizzjonijiet li qed jiġu offruti lil dawn is-sidien sabiex jidħlu għall-iffirmar tal-konvenji huma kundizzjonijiet rejalistiċi u ġusti fid-dawl tal-propjeta’ li huma jistgħu jakkwistaw, speċjalment meta wiehed jikkonsidra li dawn is-sidien fil-preżent m’għandhom l-ebda titlu fuq il-Huts li qed joperaw minnhom.
Il-proposti tal-Gvern għandhom iwasslu biex mhux biss nagħtu lill-pajjiżna qasam fejn l-Artiġjanat Malti jista’ jimxi ’l quddiem imma anke li s-sitwazzjoni ta’ kull min hu konċernat tmur għall-aħjar.
Biex il-proġett ikun jista’ jimxi ’l quddiem, il-konvenji kollha pendenti għadhom ikunu konklużi fil-ġimgħat li ġejjin sabiex b’hekk il-konsultazzjonijiet dwar il-bini tal-proġett jintemmu sa mhux aktar tard minnnhar it-30 ta’ Ġunju 2005. Wara din id-data, il-Gvern ikollu jirrevedi l-pożizzjoni ta’ dawk is-sidien tal-Huts li ma jaslu għal ebda ftehim mas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji ż-Żgħar u s-Self Employed dwar l-intenzjoni tagħhom.
Għaldaqstant il-Gvern qiegħed jistieden lis-sidien sabiex minnufih javviċinaw lis-Segretarjat Parlamentari u b’mod individwali ikunu jistgħu jiffirmaw l-imsemmijja konvenji mad-Dipartiment ta’ l-Artijiet.
Il-Gvern huwa determinat li jara li dan il-proġett jibqa’ miexi b’ritmu tajjeb sabiex sa fl-aħħar ikollna post adegwat u xieraq minn fejn l-Artiġjanat Malti ikun jista’ jiġi mogħti dehra aħjar. U biex dan isir jeħtieġ il-kollaborazzjoni ta’ kulħadd.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946