ANALIŻI ĠUSTA (U KORRETTA) TA’ L-ISTATISTIKA
Il-Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni, l-Onor. Chris Agius, għamel interpretazzjoni skorretta ta’ l-aħħar indikaturi ta’ investiment barrani f’Malta għal bejn Jannar u Marzu 2005. L-interpretazzjoni ta’ l-Onor. Chris Agius hija bbażata purament fuq qari superfiċjali għall-aħħar ta’ l-informazzjoni. Hu jagħmel enfasi fuq il-fatt li f’termini assoluti, Malta attirat investiment barrani relattivament żgħir li, meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra Ewropej, jurina bħala li għandna sehem żgħir ħafna mill-investiment barrani li jsir fil-pajjiżi Ewropej.
Ebda analiżi tar-rata ta’ investiment barrani ma tista’ tinjora d-daqs relattiv tal-pajjiżi li qed jikkompetu għalih u d-daqs tal-popolazzjoni li se tgawdi minn dak l-investiment, u li minnha potenzjalment jista’ jkun hemm persuni li jieħdu l-impjiegi ġodda li joħloq dak l-investiment.
Ras għal ras Malta hija s-sitt pajjiż Ewropew li l-aktar li ra investiment barrani bejn Jannar u Marzu 2005. Dan il-fatt ipoġġi f’perspettiva aktar korretta u ġusta kif Malta qed tqabbel mal-kompetituri tagħha, meta tattira l-investiment barrani lejha.
Mill-istess statistika kif ikkwotata mill-Onor. Chris Agius, joħroġ ċar li Malta attirat €825 għal kull Malti u Maltija fl-ewwel tlett xhur ta’ din is-sena: aktar milli attiraw 19-il pajjiż ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea.
It-tabella turi fejn kienet Malta fl-aħħar ta’ l-ewwel kwart ta’ din is-sena meta mqabbla ma’ 29 pajjiż Ewropew ieħor (EU25 u n-Norveġja, il-Bulgarija, ir-Rumanija u t-Turkija). Kienu biss il-Lussemburgu, l-Irlanda, il-Belġju, Ċipru u r-Renju Unit li f’dawn l-ewwel tlett xhur ġibdu aktar investiment ras għal ras milli ġibdet Malta .
Dan hu indikatur importanti li jikkontradixxi l-impressjoni li ħa u li ta l-Onor. Chris Agius li l-investiment barrani “għaddej minn żmien ta’ diffikultajiet kbar.”
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946