TWEĠIBA LILL-KAP TA’ L-OPPOŻIZZJONI DWAR IS-SEA MALTA
Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni ta Konferenza ta’ l-Aħbarijiet quddiem il-kwartieri tas-Sea Malta . Fiha qabbel il-ħlas annwali li jonfoq il-Gvern għat-trasport bil-baħar ta’ l-Għawdxin u l-anzjani bejn Maltau Għawdex u l-ħlas annwali li jonfoq il-Gvern biex ikun kumpensat it-telf li jiġi minn garanzija ta’ trasport regolari bil-baħar għall-merkanzija bejn Malta u l-Italja.
Meta għamel hekk l-Onor. Alfred Sant ipprova jissuġġerixxi li aktar ma jkun voluminuż is-servizz, akbar għandha tkun l-għotja tal-Gvern f’sussidji. Dan juri li l-Onor. Alfred Sant għadu fil-mentalità soċjalista li t-taxxi tal-poplu għandhom imorru biex jissussidjaw operat kummerċjali anke jekk dan jikkompeti u jgħarraq l-industrija privata. Ironikament dawn is-sussidji – fil-loġika ekonomika soċjalista – jitħallsu wkoll mit-taxxi stess tas-sidien u l-ħaddiema ta’ l-ażjenda privati li jipprovaw jikkompetu ma’ l-ażjenda sussidjata mill-Gvern.
Il-Gozo Channel ma tikkompetix mal-privat. Apparti minhekk hu obbligu soċjali tal-Gvern li jara li l-Għawdxin u l-anzjani ma jbatux minħabba ċ-ċirkostanzi soċjali tagħhom, l-aktar fil-każ ta’ l-Għawdxin li huma kundizzjonati mill-insularità doppja li tiġi mil-fatt li Għawdex hi gżira li tiddependi għal diversi affarijiet minn Malta .
Dawn ir-realtajiet soċjali għandhom prezz li essenzjalment hu d-differenza bejn kemm hu mraħħas il-biljett tagħhom minn kemm kien ikun il-prezz li jħallsu b’rati kummerċjali. Dan hu l-valur ta’ l-għotja li jagħti l-Gvern kull sena lill-Gozo Channel. Il-bqija, il-Gozo Channel trid tiġġenerah hi stess mill-attività kummerċjali tagħha.
Fil-kaz tas-Sea Malta , l-obbligu soċjali hu li jimtela’ l-vojt li bil-fors iħallu operaturi kummerċjali li jbaħħru bejn Malta u l-kontinent Ewropew. Is-Sea Malta m’hux weħidha f’dan is-settur ... anzi ilha tikkompeti m’operaturi privati għal 15-il sena. L-industrija Maltija u l-importaturi Maltin ilhom jagħżlu bejn operaturi tat-tbaħħir differenti skond il-prezz li jitolbu għal dan iż-żmien kollu.
Ir-realtà hi li operaturi privati tat-tbaħħir ma jistgħux jagħtu garanzija sħiħa ta’ frekwenza tal-vjaġġi u ġieli jipposponu vjaġġi ħesrem minħabba nuqqas ta’ bookings jew per eżempju minħabba tiswijiet li jkunu meħtieġa fuq il-vapuri. Inkella l-prezz li jitolbu biex iġorru l-merkanzija minn u lejn Malta jogħla aktar milli tiflaħ il-kompettitività Maltija jew il-konsumatur Malti.
Il-Gvern ta kuntratt t’obbligu ta’ servizz pubbliku lis-Sea Malta biex din tagħti din il-garanzija u biex it-telf li tagħmel biex tonora din il-garanzija (li tikri vapuri oħra jekk tagħha jkunu bil-ħsara, u biex tivjaġġa regolarment anke b’vapuri nofshom vojta) jitħallas xorta mill-Gvern u s-servizz ta’ l-importazzjoni l-esportazzjoni ma jbatix. Dan waqt li l-prezzijiet li jitħallsu mill-klienti jkunu stabbli u prevedibbli. L-ispiża għal dan l-obbligu hu bil-bosta iċken mill-ispiża ta’ kemm jivjaġġaw Għawdxin u anzjani bejn iż-żewġ gżejjer.
Il-kuntratt li l-Gvern għandu mas-Sea Malta jissussidja biss din il-garanzija defenita u ma jidħolx per eżempju biex jissussidja inefiċċjenzi tal-kumpanija, numru żejjed t’impjegati, spejjeż m’hux kompetittivi, jew investiment f’vapuri u apparat antikwat. Il-Gvern jemmen li ma jkunx ġust li jagħti dawn it-tip ta’ sussidji (li m’humiex għotjiet t’obbligu ta’ servizz pubbliku) meta hemm kompetituri u operatur privati (inċidentalment b’interessi u impjegati Maltin) li ħadd ma jissussidjahom meta jkollhom bżonn jixtru vapuri ġodda jew iħallsilhom il-pagi jekk ikollhom aktar impjegati milli għandhom bżonn.
Il-privatizzazzjoni tas-Sea Malta hi l-opportunità biex din il-linja tibqa’ teżisti anke għax irid ikun sid privat ġdid li jinvesti miljuni ta’ liri biex l-infrastruttura tal-kumpanija tkun kompetittiva. Il-privatizzazzjoni naturalment tkun ukoll l-opportunità biex jiġu salvagwardjati l-impjiegi produttivi kollha li żżomm din l-ażjenda.
Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jikkwota stima li għamel il-Gvern fi Frar 2004 meta kkunsidra fost ir-rotot li seta’ jieħu għall-futur tas-Sea Malta li jifdi l-problemi kollha tagħha u jibqa’ waħda s-sid tagħha. Hu minn dan id-dokument li l-Onor. Alfred Sant jikkwota l-figura ta’ Lm7 miljun. Irid jiġi ċċarat li f’ebda stima tal-Gvern ma kien meqjus li dan kien l-ammont meħtieġ għall-investiment kapitali tas-Sea Malta. Is-Lm7 miljun jinkludu Lm2.44 fi djun mal-banek li l-Gvern kien u għadu qed jiggarantixxi u li iżda s-Sea Malta m’hux f’pożizzjoni li tifdi u Lm4 miljun fi djun ma’ kredituri differenti.
M’hemm ebda nuqqas ta’ qbil ma’ l-osservazzjoni tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni li l-interess ta’ l-azzjonijisti Libjani u Alġerini fis-Sea Malta hu fjakk u hu s-sostenn tal-Gvern Malti biss li bħala sid qieghed iżomm il-kumpanija ħajja. Tant dan hu minnu li l-Gvern Malti waħdu, mingħajr ma s-sidien l-oħra li attira l-Gvern immexxi mill-Partit Laburista meta waqqaf is-Sea Malta, ikkontribwixxa 100% ta’ dak kollu li kellha bżonn is-Sea Malta biex ma tfallix. Hu l-Gvern Malti waħdu li jagħmel tajjeb u jiggarantixxi għas-self u għat-telf kollu li tagħmel is-Sea Malta; hu l-Gvern Malti waħdu li jagħmel tajjeb u jiggarantixxi l-pożizzjoni legali tas-Sea Malta internazzjonalment; hu l-Gvern Malti waħdu li żamm l-eżistenza tas-Sea Malta minkejja t-telf li tagħmel kull sena. Inċidentalment, mingħajr ma jaf, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni qed hu stess jagħmel argument ieħor favur il-privatizzazzjoni.
B’kontradizzjoni mbagħad, l-Onor. Alfred Sant ta spinta lill-kampanja tiegħu biex jara li l-privatizzazzjoni tas-Sea Malta tfalli b’theddida għall-impjiegi kollha ta’ din l-ażjenda. Huwa argumenta li “it-telf ta’ din il-kumpannija kien qed jitnaqqas u jinġieb fuq bażi raġjonevoli.” Hu diffiċli ħafna wieħed jifhem x’bażi qed juża l-Kap Laburista għal din l-asserzjoni.
Fl-1998/99 is-Sea Malta għamlet telf ta’ qabel it-taxxa ta’ Lm1.03 miljuni; segwit minn telf qabel it-taxxa ta’ LmLm480,000 fl-1999/2000; Lm343,378 fl-2000/01; qliegħ minimu ta’ Lm161,000 fl-2001/02 għal kollox dovut mill-operat ta’ l-insurance m’hux tat-tbaħħir; u mill-ġdid telf ta’ Lm501,000 fl-2002/03; telf ta’ Lm1,061,675 fl-2003/04; u telf ta’ Lm549,000 fl-2004 u fl-2005.
Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni uża l-kelma “żvelar” t’informazzjoni dwar il-proċess ta’ privatizzazzjoni. Huwa “żvela” li t-taħdidiet dwar il-privatizzazzjoni ma sarux mil-bidu u biss max-xerrej prospettiv li miegħu għadhom għaddejin it-taħdidiet. Preċiżament xi żvela b’daqshekk, l-Onor.Alfred Sant biss li jaf.
Il-kronoloġija tal-fatti hi kif ġej:
15 ta’ Settembru 2004: Wara sejħa pubblika għall-offerti, it-Taqsima tal-Privatizzazzjoni tal-Gvern irċeviet żewġ offerti għax-xiri tas-Sea Malta.
7 t’Ottubru 2004: It-Taqsima tal-Privatizzazzjoni kellha parir legali li ż-żewġ sottomissjonijiet li saru ma kienux skond dak li pprovdiet is-sejħa għall-proposti u allura l-proċess oriġinali kellu jitwaqqaf.
26 t’Ottubru 2004: Il-Gvern ikkomunika li ż-żewġ offerenti d-deċiżjoni tiegħu iżda kkonferma wkoll li kien lest jiddiskuti magħhom it-tnejn il-possibilità ta’ bejgħ t’ishma li għandu l-Gvern fis-Sea Malta.
4 ta’ Novembru 2004: Bdew in-negozjati ma’ wieħed mill-offerenti, liema negozjati għadhom għaddejjin u llum jinsabu fil-fażi finali.
10 ta’ Novembru 2004: Bdew in-negozjati wkoll ma’ l-offerent l-ieħor.
19 ta’ Novembru 2004: It-Taqsima tal-Privatizzazzjoni tat parir lill-Gvern li minħabba kif jitqabblu ż-żewġ offerti, kellhom jitkomplew id-diskussjonijiet biss m’offerent wieħed.
22 ta’ Frar 2005: It-Taqsima tal-Privatizzazzjoni ikkomunikat ma’ l-offerent li ma rnexxiex li kienu ser jitkomplew negozjati ma’ l-offerent l-ieħor biss.
Ċertament kien ikun fl-interess nazzjonali li l-iskrutinju ta’ proċess bħal dan ma jsirx f’nofsu b’diskorsi fil-pjazza kif għamel Dr. Sant, iżda fi tmiemu bl-istituzzjonijiet ta’ skrutinju li huma fil-kontroll ta’ l-Oppożizzjoni bħall-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament.
Hu importanti li jerġa’ jiġi kkonstatat li anke li kieku l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jirnexxilu ifixkel il-privatizzazzjoni u allura s-Sea Malta titlef l-aħħar opportunità li ssalva ruħha u tibqa’ teżisti, xejn ma jintilef mil-livell ta’ servizz li għandhom illum l-importaturi u l-esportaturi Maltin mit-tbaħħir tal-merkanzija u minn u lejn il-kontinent Ewropew.
Il-kuntratt t’obbligu ta’ servizz pubbliku jista’ jingħata lil kwalunkwe ażjenda li topera bejn Malta u l-kontinent Ewropew (li minnhom hemm ħafna aktar mis-Sea Malta weħidha). Il-kuntratt preżenti jrid jiġġedded fl-2010 u dik inhar issir kompetizzjoni miftuħa bejn il-linji kollha tal-vapuri għal min jieħu l-kuntratt u l-finanzjament tal-Gvern biex jagħti dan is-servizz lill-importaturi u l-esportaturi Maltin.
Anke li kieku s-Sea Malta kellha tibqa’ f’idejn l-istat, m’hemm ebda garanzija li tkun hi wara l-2010 li topera dan is-servizz jew tieħu dan il-finanzjament jekk ma tkunx hi l-aktar linja kompetittiva.
Li donnu mhux jifhem il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni hu li finalment dan jibbenefika lill-Maltin li jħallsu t-taxxi: li jaqblu għax hekk jaqblilhom li jkun hemm sussidju fuq il-garanzija ta’ servizz regolari bil-baħar iżda ma jridux it-taxxi tagħhom jinħarqu f’inefiċċjenzi tipiċi t’ażjenda kummerċjali li tkun f’idejn l-istat.
Il-kontributuri Maltin jridu jgawdu mill-frott tal-kompetizzjoni li l-politika ta’ l-Oppożizzjoni trid toħnoq bħalma ħonqitha f’kull okkażjoni li kellu l-Partit Laburista li jiddeċiedi l-politika ekonomika ta’ Malta.
Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni lanqas m’hu dispost jifhem li dan kollu m’hux xi aġir li jsewgi xi intenzjoni tal-Gvern li jara s-Sea Malta magħluqa. Anzi, l-isforz għall-privatizzazzjoni hu l-prova kuntrarja. Hu l-aġir tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni li jfixkel il-privatizzazzjoni fl-aktar żmien delikat tagħha li hu l-prova li Oppożizzjoni trid li s-Sea Malta tingħalaq.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946