TINDIF TAS-SWAR TAĊ-ĊITTADELLA TA’ GĦAWDEX
Fiċ-Ċittadella ta’ Għawdex bħalissa għaddej xogħol ta’ tindif fuq is-swar mill-ħaxix u siġar li jikbru mal-ħitan. Dan ix-xogħol qiegħed isir minn voluntiera mill-fergħa ta’ Għawdex tar-Red Cross u huwa ppjanat fuq sena. L-iskop tat-tindif huwa sabiex il-wirt storiku li ħallewlna missirijietna jiġi ppreżentat b’mod aħjar, u fl-istess ħin, apprezzat aktar u protett.
Matul dan iż-żmien, ir-Red Cross (Għawdex) hija marbuta li żżomm is-swar indaf filwaqt li tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tnaqqas kemm jista’ jkun it-tkabbir mill-ġdid ta’ ħaxix u siġar. Permezz ta’ apparat mixtri mill-Ministeru għal Għawdex, il-voluntiera ta’ din l-għaqda qegħdin jixxabbtu mas-swar u jaqtgħu l-ħaxix filwaqt li jisprejjawh biex ma jerġax jikber.
Il-pjanti u s-siġar mhux biss jagħtu dehra inqas attraenti tas-swar imma wkoll jikkawżaw ħsara kbira peress li l-egħruq tagħhom jaqsmu u jċaqilqu l-ġebel tas-swar. Dan jagħmilha aktar possibbli għall-ilma tax-xita biex jidħol u jikkawża aktar ħsara.
Ix-xogħol ta’ tindif huwa konċentrat biss fuq il-ħitan mibnija peress li fuq il-blat ta’ taħt jikbru speċi ta’ pjanti li huma protetti u li qegħdha tingħata attenzjoni biex dawn ikunu mħarsa.
Il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono żaret il-post fl-okkażjoni tal-Jum Dinji ta’ l-Ambjent, waqt li kien għaddej ix-xogħol. Hija rringrazzjat lit-taqsima ta’ Għawdex tar-Red Cross u awgurat li jinstabu aktar possibiltajiet fejn il-Ministeru għal Għawdex u għaqdiet bħar-Red Cross jistgħu jikkollaboraw flimkien. Hija qalet li din kienet inizjattiva oħra ta’ koperazzjoni bejn il-Ministeru għal Għawdex u għaqda mhux governattiva Għawdxija, li qegħdha tagħti r-riżultati mixtieqa. Il-Ministru Debono rreferiet ukoll għal sejħa għall-offerti li għandu l-Ministeru għal Għawdex bħalissa għal xogħol ta’ restawr fuq parti mis-swar, liema sejħa tagħlaq f’nofs dan ix-xahar.
Is-swar taċ-Ċittadella kif inhuma llum inbnew fis-seklu sbatax sabiex il-belt ewlenija ta’ Għawdex jkollha swar imsaħħin u b’hekk tiġi mħarsa aħjar mill-attakki ta’ l-għadu. Iċ-Ċittadella kienet il-punt fokali ta’ diversi episodji marbuta ma’ l-istorja ta’ Għawdex, b’mod partikolari l-Assedju t’Għawdex ta’ l-1551.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946