Left arrow Mur Lura

EDUKAZZJONI AMBJENTALI GĦALL-ISTUDENTI ŻGĦAR F’GĦAWDEX

PR0820
Date Icon 03/06/2005

L-ambjent ta’ madwarna huwa tagħna lkoll u jeħtieġ li nitgħallmu napprezzawh u nippreservawh minn meta nkunu għadna ta’ eta’ żgħira. Dan kien il-messaġġ ewlieni ta’ l-attivita’ organizzata fil-Wied tal-Lunzjata f’Għawdex, dalgħodu, bħala tmiem tal-kampanja edukattiva dwar l-ambjent fl-iskejjel primarji t’Għawdex. 

Il-kampanja edukattiva, li saret fuq inizjattiva tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni t’Għawdex, ġiet organizzata għall-ewwel darba matul is-sena skolastika 2004-2005. Fiha pparteċipaw iktar minn 85% ta’ l-iskejjel primarji t’Għawdex. Il-kampanja kienet indirizzata primarjament lill-istudenti tar-raba’, il-ħames u s-sitt sena primarja. Permezz ta’ diversi attivitajiet, fosthom ħarġiet fil-kampanja u diskussjonijiet, l-istudenti setgħu jitgħallmu iktar b’mod prattiku dwar l-użu ta’ prodotti u prattiċi alternattivi li huma ta’ ġid għall-bniedem iżda li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.

Fl-attivita’ ta’ dalgħodu pparteċipaw numru ta’ studenti mill-iskejjel primarji ta’ l-Għarb, Xagħra, Kerċem, Victoria, Qala, il-Konservatorju ta’ l-Isqof, Laura Vicuna, l-iskola tad-Drama, u l-iskola sekondarja Agius de Soldanis li tellgħu rappreżentazzjonijiet, permezz ta’ kant, żfin, drama u qari ta’ poeżiji marbuta mat-tema ta’ l-ambjent. Waqt l-istess attivita’, l-iskejjel ta’ Għajnsielem, Ninu Cremona u Agius de Soldanis ġew ippremjati għall-impenn tagħhom matul is-sena favur l-ambjent, b’mod partikolari fejn jidħol tkabbir ta’ siġar.

L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex attendiet din l-attivita’ li hija rreferiet għaliha bħala mezz mill-iktar utli biex iż-żgħar tagħna jitgħallmu jifhmu u japprezzaw aħjar suġġett wiesa’ bħal ma hu l-ambjent. Il-Ministru Debono qalet li l-ambjent m’huwhiex biss marbut ma’ l-iskart jew it-traffiku u l-fabbriki imma wkoll ma’ kull deċiżjoni li aħna nistgħu nieħdu f’ħajjitna. Il-Ministru Debono appellat lit-tfal sabiex ikunu konxji ta’ l-impatt tad-deċiżjonijiet tagħhom fuq l-ambjent filwaqt li faħħret lid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni t’Għawdex li ħadet din l-inizjattiva. Fl-istess ħin, hija awgurat li din il-kampanja tibqa’ titwettaq fis-snin li ġejjin u li fiha jipparteċipaw l-iskejjel kollha ta’ Għawdex.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow