Left arrow Mur Lura

SISTEMI TA’ BIEDJA SOSTENIBBLI JWASSLU GĦALL-ĦARSIEN AKBAR TA’ L-AMBJENT

PR0817
Date Icon 03/06/2005

L-użu fil-prattika ta’ sistemi ta’ biedja sostenibbli jwasslu għall-ħarsien akbar ta’ l-ambjent.  Biedja sostenibbli u li tħares l-ambjent twassal ukoll biex igawdi l-bidwi nnifsu u l-konsumatur permezz ta’ prodotti aħjar u ta’ kwalita’ akbar bi prezzijiet irħas.  

Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino f’diskors li għamel waqt żjara fl-egħlieqi ta’ Charles Micallef fl-Imtaħleb.  Matul iż-żjara saret preżentazzjoni dwar sistema ta’ kontroll kompjuterizzata li qed twassal biex ikun hemm kontroll akbar fuq il-kwantita’ ta’ fertilizzant u ilma li jintużaw fit-tkabbir ta’ ħaxix.  

Il-Ministru Pullicino qal li permezz ta’ din is-sistema l-użu tal-fungiċida naqas b’75%, il-fertilizzant naqas bi 80% u l-ilma qed ikun ikontrollat.  Hu qal li dan huwa proċess li minnu jgawdi kulħadd:

  • il-bidwi għaliex se jkollu dħul akbar u spejjeż anqas;
  • il-konsumatur għax jista’ jgawdi minn prezzijiet orħos u kwalita’ aktar konsistenti;
  • u l-ambjent għaliex jintuża anqas fertilizzant u jintuża b’mod aħjar, użu aħjar ta’ l-ilma u jitnaqqas il-mard minn fost ir-raba’ minħabba ħamrija aktar b’saħħitha.

Il-Ministru Pullicino qal li dan jikkonferma l-konnessjoni mill-qrib bejn agrikoltura sostenibbli u l-ħarsien ta’ l-ambjent. Hu qal li d-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura se jaħdem mill-qrib ma’ dan il-bidwi biex il-vantaġġi ta’ sistema bħal din ikunu jistgħu jitgawdew mill-akbar numru ta’ bdiewa possibli.  Huwa fatt inkoraġġanti li dan il-bidwi huwa lest li jaqsam it-tagħrif li kiseb hu ma’ min hu nteressat għaliex ġenwinament jemmen fil-vantaġġi ta’ sistema bħal din.  

George Pullicino qal li ġew mistiedna wkoll numru ta’ studenti mill-Istitut ta’ l-Agro Industrija tal-MCAST u mill-Fakulta’ ta’ l-Agrikoltura ta’ l-Universita’ għaliex anke dawn jistgħu jaraw b’għajnejhom sistemi fil-prattika li jagħtu riżultati mill-aqwa filwaqt li jħarsu l-ambjent.  Hu qal li dan jikkonferma l-ħolqa li teżisti bejn l-edukazzjoni u l-ambjent. Din l-attivita’ saret bħala parti mill-attivitajiet tal-Ġimgħa Ambjent li qed isiru biex jitfakkar Jum l-Ambjent 2005.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow