APPROVATA L-MOZZJONI MRESSQA MIT-TFAL LI QED JIPPARTEĊIPAW FIL-PROGRAMM EKO-SKOLA
Il-mozzjoni mressqa mit-tfal li qed jipparteċipaw fil-programm Eko-Skola kienet approvata unanimament mill-Membri Parlamentari fi tmiem seduta speċjali li saret fil-Kamra tar-Rappreżentanti. Il-mozzjoni kienet titlob lill-Membri Parlamentari biex jirrikonoxxu l-fatt li l-Eko-Skola qed jgħin lit-tfal isiru aktar responsabbli għall-ambjent, qed jgħin fl-iżvilupp ta’ l-iskejjel u fl-aħħarnett titlob lill-Membri Parlamentari jappoġġjaw l-inizjattiva bil-mezzi kollha tagħhom.
Is-seduta speċjali saret bħala parti mill-programm ta’ attivitajiet li tħejjew biex titfakkar il-Ġimgħa Ambjent li tilħaq il-qofol tagħha nhar il-Ħadd, 5 ta’ Ġunju, meta jkun imfakkar Jum l-Ambjent 2005.
Matul is-seduta, numru ta’ studenti li jattendu fi skejjel li qed jipparteċipaw fil-programm Eko-Skola għamlu diskorsi dwar dak li twettaq minnhom matul is-sena li għaddiet u saru wkoll rappreżentazzjonijiet b’temi ambjentali.
F’diskors li għamel waqt din is-seduta, il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino qal li d-diskorsi tat-tfal preżenti għandhom ikunu ta’ eżempju biex mill-kliem ngħaddu għall-fatti f’dawk li huma responsabbiltajiet ambjentali. Hu qal li miż-żjarat li jagħmel fi skejjel li jipparteċipaw f’dan il-programm jinnota l-entużjażmu u l-impenn ta’ kull min hu involut.
George Pullicino qal li l-mira hi li n-numru ta’ skejjel li jiffurmaw parti mill-Eko-Skola jibqa’ jikber u għal dan il-għan qal li t-tfal li qegħdin jipparteċipaw bħalissa għandhom iservu ta’ ambaxxaturi biex iħajru tfal u skejjel oħrajn. Il-Ministru George Pullicino irringrazzja lil kull min qed jaħdem biex din l-inizjattiva tkompli tkun waħda ta’ suċċess.
Matul is-seduta tkellmu wkoll il-Prim Ministru Lawrence Gonzi, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Alfred Sant, is-Segretarju Parlamentari Helen D’Amato u d-deputati Joe Brincat u Carmelo Abela.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946