Left arrow Mur Lura

TWEĠIBA OĦRA LILL-GWU DWAR L-INTERPRINT

PR0807
Date Icon 02/06/2005

Il-Gvern ma jistax jifhem x’mingħaliha ser jirnexxielha tagħmel il-General Workers’ Union b’pubblikazzjonijiet ta’ stqarrijiet bħall-istqarrijiet li ħarġet f’dawn il-jumejn dwar l-Interprint. 

Il-Gvern ma jidhirlux li ħa xi pass bi ksur ta’ xi liġi u hu bla sens minn naħa tal-General Workers’ Union li tipprova tagħmel pressjoni fuq il-Gvern billi ddaħħal fin-nofs dak li hi mingħaliha li huma argumenti legali. L-Interprint fil-fatt sejra timxi eżattament ma’ dak li hemm stabbilit fil-Liġi dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali u ser tosserva l-iskadenzi kollha hekk kif stipulati.  

Li ma ssemmix il-General Workers’ Union hu li l-Gvern, aktar minn xahar ilu eżattament nhar is-26 ta’ April 2005, permezz taċ-Chairman tal-Malta Government Investments Ltd, għamilha ċara li ladarba ma nstabx investitur li lest jixtri, is-sitwazzjoni tal-kumpannija aggravat ħafna tant li saret insostenibbli.  

L-ironija tal-pożizzjoni tal-General Workers’ Union toħroġ aktar fil-beraħ meta fl-4 ta’ Mejju b’risposta għall-ittra msemmija, is-Sur Geitu Mercieca, irrikorra għal kritika bla bażi ta’ l-istrateġija kummerċjali ta’ l-Interprint u wasal ukoll biex jisħaq li l-Gvern għandu jkun hu flimkien ma’ l-Unjoni Ewropea li jissussidja t-telf ta’ din il-kumpannija u li jinvesti flus il-poplu f’teknoloġija ġdida għal din il-kumpannija biex b’hekk tkun tista’ tuża fondi ġejjin mit-taxxi miġbura fost l-oħrajn mis-settur privat biex l-Interprint tkun tista’ tikkompeti ma’ l-istess settur.  

Kif jaf sew is-Sur Mercieca din l-ittra kienet biss aljenazzjoni mir-realtà u nuqqas ta’ kjarezza mal-ħaddiema nfushom minn naħa tal-union, tant hu hekk li l-istess Mercieca għalaq din l-ittra billi qal li “l-GWU m’hix sejra tħalli li l-ħaddiema ta’ l-Interprint jitilfu d-dritt għall-kumpens tagħhom skond il-Ftehim Kollettiv.” Dan juri bl-aktar mod ċar li l-Gvern mexa eżattament ma’ dak li talbet il-General Workers’ Union , fejn fl-istqarrijiet tiegħu tal-bieraħ il-Gvern qal bla tlaqliq li ser jonora l-ħlasijiet kollha dovuti skond il-Ftehim Kollettiv.

Madankollu llum il-General Workers’ Union qed tbiddel id-diska u qiegħda tgħid li m’hux il-ħlasijiet trid (kif qalet fl-ittra ta’ l-4 ta’ Mejju 2005) iżda trid li l-ħaddiema jingħataw impjieg alternattiv. Fl-opinjoni tal-Gvern din hija xhieda ta’ inkonsistenza qawwija.  

Il-fatt sempliċi hu li l-Gvern ma jistax jiġġustifika aktar li l-Interprint Ltd tibqa’ topera. Din kienet deċiżjoni kummerċjali li l-Gvern ħa wara li pprova jagħmel minn kollox biex isib investituri li kienu lesti jidħlu għat-tmexxija tal-kumpannija.  

Kif m’huwiex pjaċir tal-Gvern li jkollu jieħu deċiżjoni drastika bħal din, il-Gvern ma jippretendix li dawn il-ħaddiema jkollhom pjaċir b’din ir-realtà. Iżda din hi realtà li jikkonfrontha kull min jaħdem fis-settur kummerċjali li fejn l-iskop ta’ l-attività kummerċjali jispiċċa dan iġib miegħu il-konsegwenzi l-oħra naturali.  

M’hemm ebda raġuni reali għalfejn impjegati t’ażjendi f’idejn pubbliċi m’għandhomx jikkonfrontaw l-istess realtà li jikkonfrontaw impjegati t’ażjendi f’idejn privati. Hekk jew b’hekk ażjendi pubbliċi huma finalment imħallsa minn taxxi ta’ ċittadini privati.  

Iżda tifhimha jew ma tifhimhiex il-union, ir-realtà li l-Interprint għandha tingħalaq ilha b’xi mod jew ieħor tiġi posposta minn mindu l-Gvern żbaljatament ħadha minn idejn il-privat meta l-privat falla fl-1979.  

Li l-union titkellem f’lingwaġġ li jikkonfronta xi ħadd li skond hi qed jagħti t-tort lill-ħaddiema, m’għandu ebda utilità. Meta l-Gvern spjega r-raġunijiet għalfejn iddeċieda li jtemm l-operat ta’ l-Interprint ta diversi raġunijiet għal din id-deċiżjoni u l-parti l-kbira minn dawn ir-raġunijiet ma kienux fil-kontroll tal-ħaddiema (u lanqas tal-management jew tal-union jew tal-Gvern).

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow