IL-PRIM MINISTRU JŻUR PROĠETT KUMMERĊJALI F’GĦAWDEX
Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi tard illum wara nofsinhar żar kumpless ġdid ‘Downtown’ fir-Rabat Għawdex. L-ewwel fażi tiegħu, li bdiet topera f’dawn il-ġranet, hija l-lukanda 3 Star Superior u li diġa’ qiegħda tilqa’ fiha l-ewwel turisti. Fil-fatt 80% tas-sodod li toffri din il-lukanda diġa’ huma okkupati.
Il-Prim Ministru ġie milqugħ mis-sidien ta’ dan il-kumpless, is-Sinjuri Ray Bajada u Joseph Portelli rispettivament, filwaqt li ġie mdawwar mal-post, ġie spjegat lilu f’hiex ser ikun jikkonsisti dan il-kumpless meta f’Settembru li ġej jiftaħ uffiċjalment. Minbarra din il-lukanda, ‘Downtown’ ser jinkorpora fih numru ta’ ħwienet fosthom Shopping Centre, Pubs, Cafeteria, postijiet ta’ rikreazzjoni għat-tfal kif ukoll faċilita` fejn ikun jista’ jintlagħab il-logħob tal-Bowling. Fil-fatt dan huwa l-ewwel post tax-xorta tiegħu fil-gżira ta Għawdex u li fil-futur se jkun jista’ jattira lejn pajjiżna kompetizzjonijiet internazzjonali f’din id-dixxiplina sportiva.
Dan il-kumpless ser ikun qed jimpjega ’l fuq minn 90 ħaddiem meta jkunu bdew joperaw il-faċilitajiet kollha f’Settembru li ġej.
Matul din iż-żjara, il-Prim Ministru kien akkumpanjat ukoll mill-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946