IL-GVERN SER JAGĦLAQ LILL-KUMPANIJA INTERPRINT LIMITED
Is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-Interprint Limited hija tali li m’għadux sostenibbli li din il-kumpanija titħalla topera u għalhekk il-Gvern, li hu waħdu s-sid ta’ din il-kumpanija, iddeċieda li jtemm l-operat tagħha.
Din id-deċizjoni hija msejsa fuq żewġ prinċipji ewlenin:
- l-ewwel li l-Gvern m’għandux jokkupa spazju f’suq li huwa kummerċjalizzat u
- t-tieni li l-Gvern m’għandux lanqas jibqa’ jissussidja ażjendi li jew huma falluti jew huma resqin lejn il-falliment.
Il-Gvern, permezz tal-Malta Government Investments Limited, informa b’dan illum lill-General Workers’ Union.
Dan wara li l-aħħar attentat f’sensiela biex din il-kumpanija tiġi privatizzata falla meta ħadd m’offra li jixtriha wara sejħa internazzjonali għall-offerti biex tinbiegħ.
L-Interprint twaqqfet fl-1963 u l-attività ewlenija tagħha kienet l-istampar u l-legar tal-kotba, primarjament għas-suq internazzjonali u sekondarjament għas-suq lokali. Għal numru ta’ snin, il-kumpanija ma kinetx qed tirreġistra biżżejjed bejgħ biex tkopri l-ispejjeż dejjem jikbru tagħha. Minħabba dan, il-kumpanija ilha f’sitwazzjoni finanzjarja inkwetanti u f’dawn l-aħħar xhur kienet dejjem qiegħda tersaq aktar qrib il-falliment. Fil-fatt l-Interprint akkumulat aktar minn nofs miljun lira f’telf.
Il-Gvern hu l-uniku azzjonist ta’ din il-kumpanija u hu tal-fehma li l-Interprint m’hix kumpanija li tista’ titqies strateġika għall-interess nazzjonali. Barra minhekk il-Gvern huwa projbit milli jissussidja dawn it-tip ta’ kumpaniji, partikolarment minħabba li dawn huma operazzjonijiet purament kummerċjali u kull intervent tal-Gvern jista’ jitqies bħala għajnuna ta’ l-istat li tfixkel is-suq. Ta’ min isemmi li dan is-suq (ta’ l-istampar) jimpjega madwar 1,700 persuna f’Malta.
L-istampa finanzjarja fil-bidu ta’ din is-sena hi li l-bilanċ finanzjarju tal-kumpanija juri ‘net asset value’ negliġibbli u li bl-ebda mod ma kien ser iwassal għal aktar minn ftit ġimgħat oħra. Il-likwidità tal-kumpanija turi li l-obbligi li jridu jiġu onorati fi żmien qasir huma darba u nofs aktar mill-assi kurrenti ta’ l-ażjenda.
L-isforzi tal-management biex jinġabru l-ħlasijiet dovuti lill-kumpanija naqsu l-ammont ta’ debituri bi Lm38,000, iżda l-kumpanija għandha debituri li jammontaw għal Lm214,500. Anki l-isforz biex jiżdied il-bejgħ ħalla ftit frott, tant li l-operat tal-kumpanija fil-bidu ta’ din is-sena rreġistra profitt żgħir. Dawn l-isforzi iżda m’għandhom valur prattiku ta’ xejn meta jitqies li l-ispejjeż f’salarji tal-kumpanija weħidhom jgħelbu b’ħafna drabi kull profitt żgħir li tista’ tirreġistra l-ażjenda.
Il-kumpanija għandha Lm519,000 mislufa mill-banek: bejn wieħed u ieħor erbatax-il darba il-valur reali tal-kumpanija.
L-isforzi biex jitnaqqsu l-ispejjeż rendew ftit frott tant li l-ispejjeż f’salarji naqqsu b’31.1% riżultat tat-tnaqqis ta’ l-impjegati f’April 2004. Dak inhar kienu tnaqqsu 15-il impjegat u tħallew 35 impjegat fil-kumpanija.
Sadattant, bi sforz tal-management, l-ispejjeż diskrezzjonali tnaqqsu kollha ħlief għal spejjeż finanzjarji li sofrew fuq il-‘front’ ta’ l-esportazzjoni, minħabba rati sfavorevoli ta’ l-isterlina u d-dollaru.
Is-‘slowdown’ ekonomiku fis-suq ta’ l-istampar Ewropew; l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda li jnaqqsu l-bżonn ta’ riżorsi umani (u b’hekk ukoll l-ispiża u l-prezz) minn kompetituri ta’ l-Interprint (fil-kamp internazzjonali); u l-ispiża fir-riżorsi umani mminaw il-kompetittività tal-kumpanija.
Il-Gvern ipprova jsalva l-ażjenda bil-bejgħ tal-kumpanija lil sidien privati biex dawn iġibu l-investiment f’apparat ġdid, inaqqsu n-numru kbir ta’ impjegati u jerġgħu jiffinanzjaw it-telf tal-kumpanija.
Fis-sena 1994, 1995 u 2001, kienu diġà saru tlett tentattivi biex il-kumpanija jinstgħabula sidien privati, liema tentattivi ma ħallew ebda frott. Minbarra l-bżonn qawwi ta’ investiment u l-fidi tad-djun tal-kumpanija, ostaklu kbir għall-privatizzazzjoni, kienu l-kundizzjonijiet ġenerużi tat-temmijja ta’ impjieg li kien hemm fil-Ftehim Kollettiv.
Kull min seta’ jixtri din il-kumpanija kellu bil-fors inaqqas ħafna mill-impjegati żejda li kellha l-ażjenda u min jagħmel hekk, kien ser jidħol fi spiża bil-bosta akbar mill-ammonti li tistabilixxi l-liġi bħala kumpens għal min jitlef l-impjieg.
Fid-dawl tal-politika tiegħu li ma jieħux post l-inizjattiva u l-investiment privat, kif ukoll minħabba li s-settur ta’ l-istampar Malti jimpjega mijiet ta’ ħaddiema, il-Gvern iddeċieda wkoll li m’għandux jiddiversifika l-operat ta’ l-Interprint, biex tibda tuża’ finanzjament pubbliku biex tikkompeti mas-settur privat.
L-aħħar attentat għall-privatizzazzjoni permezz ta’ sejħa internazzjonali għall-offerti bejn Frar u April 2005 falla wkoll. Is-sejħa kienet segwita b’mod aggressiv mill-Privatisation Unit tal-Gvern li kkomunika direttament ma’ investituri lokali u internazzjonali, li potenzjalment setgħu jkunu nteressati f’din l-ażjenda. Meta għalaq iż-żmien ta’ l-offerti, ma saritx offerta waħda ħlief għal offerta ta’ xi ħadd li ried jixtri l-makkinarju.
Ftit ġranet wara l-egħluq taż-żmien ta’ l-offerti, il-Gvern formalment innotifika b’din is-sitwazzjoni lill-General Workers’ Union li tirrappreżenta lill-impjegati ta’ l-Interprint Limited.
Il-Gvern iddeċieda li l-kumpanija Interprint Limited tieqaf topera u li l-Gvern jidħol biex jifdi d-djun kollha li kellha akkumulati. Din id-deċiżjoni twaqqaf in-nixxiegħa mill-ġerħa li ilha miftuħa ħafna snin u li ilha kull sena tfisser telf ta’ flejjes pubbliċi f’intrapriża li m’għandha ebda raġuni għalfejn tkun f’idejn il-Gvern, ħlief raġunijiet storiċi.
Il-Gvern ser jidħol ukoll biex iħallas il-benefiċċji tat-tmiem ta’ l-impjieg għall-impjegati ta’ din l-ażjenda skond il-kundizzjonijiet tal-Ftehim Kollettiv.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946