PROĠETT TA’ ’L FUQ MINN LM100,000
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Biedja u s-Sajd, Dr Francis Agius, dalgħodu żar proġett tal-Gvern Ċentrali fiż-Żabbar Regional Park . Dan il-Proġett mistenni li jiswa ’l fuq minnLm100,000.
Dr Agius spjega kif il-ħaddiema ta’ l-Agrikoltura, flimkien mas-sezzjoni tal-PARK, immexxija mill-Perit George Buhagiar, qed jagħmlu xogħol ta’ landscaping fuq dan il-park reġjonali għan-naħa t’isfel ta’ Malta . Il-park għandu medda ta’ 80,000 metru kwadru u fih hemm mizrugħin numru sabiħ ta’ siġar taż-żebbuġ li għandhom ’l fuq minn tletin sena.
Dr Francis Agius spjega li l-ħsieb tal-Gvern huwa li jkun hemm parti sostanzjali għar-rikreazzjoni b’żona għall-picnics u żoni oħrajn fejn ikunu jistgħu jilagħbu t-tfal. Parti sostanzjali diġa’ tnaddfet minn skart li kien intrema hemm b’mod illegali. Qed isir bini ta’ passaġġi bis-sejjiegħ u żbir ta’ siġar u qtugħ ta’ ħaxix li kiber maż-żmien.
Dr Agius ikkundanna wkoll atti vandali li diġa’ saru fuq xi ħitan tas-sejjiegħ li għadhom kemm inbnew mill-ħaddiema tad-dipartiment ta’ l-Agrikoltura. Dr Agius ħa din l-okkażjoni biex ikkundanna atti vandali oħra li saru f’toroq ġodda meta nqalgħu kwantita’ kbira ta’ siġar.
Dr Agius qal ukoll li ’l quddiem ser ikun hemm il-possibilta’ li NGO’s ikunu jistgħu jorganizzaw l-attivitajiet annwali tagħhom għax dan il-park joffri ukoll dan il-vantaġġ. Dan il-park huwa mdawwar bi swar ta’ żmien il-kavallieri u għalhekk jista’ jkun ukoll ta’ attrazzjoni turistika fejn it-turisti jistgħu igawdu l-kultura, l-istorja u l-ambjent naturali ta’ dan il-park reġjonali.
Dr Agius spjega ukoll kif in-nies tal-madwar għandhom jibzgħu għall-proġetti bħal dawn, li mhux biss isebbħu l-ambjent imma jkunu ta’ rekreazzjoni u nifs ġdid għall-Kottonera.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946