IKTAR PROĠETTI MILL-GVERN IMMIRATI GĦAN-NOFS IN-NHAR TA’ MALTA
It-tisbiħ tan-nofs in-nhar ta’ Malta huwa, iktar minn qatt qabel, fil-mira tal-Gvern. Xhieda ta’ dan huma l-bosta proġetti li wettaq u qed iwettaq il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura f’diversi bliet u rħula li nsibu fin-naħa ta’ isfel ta’ pajjiżna. Dan stqarru l-Ministru Ninu Zammit meta kien qed iżur l-aħħar fażi ta’ xogħlijiet li qed jitwettqu mill-ħaddiema tal-Gvern, sabiex jinbena promenade ġewwa x-Xgħajra.
L-ewwel fażi tax-xogħlijiet kienet tikkonsisti fit-tneħħija ta’ madwar 10,000 metru kubu ta’ materjal li kien inqata’ mis-sit tar-Red China Dock madwar tletin sena ilu u mormi fix-xatt tax-Xgħajra. Dan il-materjal issa ġie trasferit f’barrieri li ma baqgħux jintużaw, sabiex ikunu żviluppati f’art agrikola. It-tneħħija ta’ dan il-materjal serva biex titjieb il-veduta tal-baħar mit-triq u jitneħħa l-periklu eżistenti. Din il-parti se tingħata dehra isbaħ permezz tat-tħawwil ta’ pjanti u siġar, u l-użu mill-ġdid ta’ blat kbir li nstab fl-irdim sabiex jinħoloq rock garden.
It-twittija ta’ din iż-żona se twassal biex jinbena parkeġġ li jkun jesa’ numru sostanzjali ta’ vetturi. Il-bankini b’total ta’ 1,500 metru kwadru ta’ pavimentar, fuq in-naħa ta’ ġewwa tat-triq inqalgħu u saru mill-ġdid b’disinn dekorattiv. Fuq in-naħa tal-baħar inbena promenade b’disinn dekorattiv. It-tul kollu tal-promenade li qed jinbena, se jkun imsebbaħ permezz ta’ street furniture, street lighting u dustbins li lkoll qed jinħadmu mid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan l-istess Ministeru.
Il-Ministru Zammit flimkien mal-ġurnalisti preżenti, segwa l-bini ta’ switchroom ġdida għall-pompa tad-drenaġġ fil-parti magħrufa bħala l-benniena. Hawn inbena wkoll ħajt ta’ lqugħ permezz ta’ tqegħid ta’ blokki kbar tal-franka. Il-proġett jaħseb għall-bini ta’ culvert f’din il-parti. Dan għandu jgħin sabiex l-ammont kbir ta’ ilma tax-xita li jinġema f’din il-benniena, jsib żvog għal ġol-baħar.
Dan il-proġett li se jiswa’ ‘l fuq minn Lm110,000 huwa wieħed minn sensiela ta’ proġetti li qed iwettaq il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura fin-nofs in-nhar ta’ Malta.
Fl-aħħar xhur twettqu proġetti ta’ tisbiħ bħal Pjazza Paolino Vassallo f’Bormla, il-bajja ta’ San Tumas, Wied iż-Żurrieq kif ukoll ġnien u football pitch fl-Imqabba. Twettqu wkoll bosta proġetti ta’ restawr bħal dawk ta’ Bieb Sant Anna u s-Sur ta’ San Mikiel fl-Isla, l-Kappella ta’ San Ġakbu f’Ħal-Luqa u l-kappella ta’ Ċwerra fis-Siġġiewi. Ma’ dawn wieħed isib ukoll bosta xogħlijiet ta’ tindif u luminazzjoni tal-Forti Sant Anġlu u tindif fl-inħawi tas-Sur ta’ San Klement f’Bormla. Il-Ministru Zammit semma wkoll it-tkomplija tal-proġett ta’ prevenzjoni mill-għargħar ġewwa Ħal-Qormi u l-Marsa, liema proġett diġa ħalla riżultati ferm pożittivi minkejja li għadha saret biss l-ewwel fażi tiegħu.
Meta mistoqsi mill-ġurnalisti preżenti fuq proġetti ta’ tisbiħ li se jkun qed iwettaq il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura fix-xhur li ġejjin, il-Ministru Zammit semma l-bini ta’ promenade ta’ Wied Babu u t-trasformazzjoni tax-Xgħara ta’ Bormla f’post ta’ rikreazzjoni. Din ta’ l-aħħar meqjusa mill-Ministru Zammit bħala l-pulmun tal-Kottonera. “Din il-lista ta’ proġetti ta’ tisbiħ flimkien ma’ dawk ta’ bini ta’ bosta toroq, turi biċ-ċar l-impenn qawwi tal-Gvern sabiex itejjeb dejjem iktar il-kwalita’ tal-ħajja f’pajjiżna,” temm jgħid il-Ministru Ninu Zammit.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946