IFFIRMAT FTEHIM DWAR L-AĠENZIJA TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
Ġie ffirmat ftehim bejn il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, l-Onor. Dr. Tonio Borg u l-Avukat Ġenerali, Dr. Silvio Camilleri li ser jagħti bidu għat-twaqqif ta’ l-Aġenzija ta’ l-Avukat Ġenerali.
Din l-Aġenzija ser titwaqqaf sabiex l-Uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali jiġi trasformat minn Dipartiment tal-Gvern għal entità awtonoma bi struttura aħjar u iktar iffukata. L-Aġenzija hija mistennija taħdem u topera fuq linji ġodda li jsegwu diversi uffiċċji legali sabiex tkun tista’ twieġeb għall-esiġenzi taż-żmien u tkun f’pożizzjoni li tagħti servizz aħjar.
Sabiex iseħħ dan, il-Gvern investa żieda addizzjonali ta’ Lm580,000 fuq il-budget allokat, biex issa din l-Aġenzija ser ikollha allokazzjoni ta’ Lm1,022,672 li tista’ tibda topera bihom mill-ewwel. L-Aġenzija ser tkun maqsuma f’sezzjonijiet, li ser ikunu jinkludu għall-ewwel darba l-“EU Unit” u l-“International Unit”.
F’kelmtejn ta’ l-okkażjoni, il-Viċi Prim Ministru enfasizza l-importanza ta’ din l-Aġenzija f’ħidmet l-Istat Malti u wera l-apprezzament tiegħu għall-ħidma kbira li ssir mill-Avukat Ġenerali Dr Silvio Camilleri u mid-Deputat Avukat Ġenerali, Dr Peter Grech.
Fit-tweġiba tiegħu, l-Avukat Ġenerali rringrazzja lil kull min ta sehemhu u ddikjara li jħares ’il quddiem sabiex din l-Aġenzija jkollha post aħjar u nies oħra sabiex jassistuha f’ħidmietha.
Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern, l-Onor. Dr. Carmelo Mifsud Bonnici, id-Deputat Avukat Ġenerali, Dr Peter Grech u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern, is-Sur Charles Deguara.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946