Left arrow Mur Lura

KINDERGARTEN ĠDIDA GĦAL WIED IL-GĦAJN

PR0784
Date Icon 31/05/2005

“Filwaqt li f’Settembru li ġej l-Iskola ta’ Wied il-Għajn se jkollha sular sħiħ ta’ klassijiet ġodda bħala parti mill-proġett ta’ estensjoni u mmodernizzar ta’ din l-iskola, il-MEPA irriżervat biċċa art li tinsab wara l-iskola biex fuqha jkun jista’ jinbena l-kindergarten il-ġdida għal din il-lokalità.” Dan qalu l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea meta żar l-iskola fejn bħalissa miexi b’ritmu mgħaġġel ix-xogħol fuq is-sular il-ġdid li f’Settembru li ġej mistenni jilqa’ fiħ l-istudenti u b’hekk itaffi l-problemi ta’ spazju li għandha din l-iskola li tinsab f’lokalità li qed tespandi b’mod sostanzjali.

Is-sular il-ġdid fl-iskola ta’ M’Scala se jżid l-ispazju tal-klassijiet b’aktar minn 500 metru kwadru u l-klassijiet l-ġodda se jkomplu jtejbu l-faċilitajiet li għandha din l-iskola. Il-bżonn għall-estensjoni ta’ din l-iskola kien ilu jinħass għal dawn l-aħħar snin.  Il-popolazzjoni ta’ l-istudenti żdiedet b’madwar 30% fl-aħħar ħames snin biex illum hemm aktar minn 500 tifel u tifla.

Bħalissa il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) qed taħdem fuq id-disinji tal-pjanti għall-kindergarten il-ġdida li se tinbena f’sit biswit l-istess skola primarja.  Il-Fondazzjoni qed taħdem biex il-kindergarten il-ġdida tkun toffri ambjent mill-aħjar u sigurtà mill-aqwa partikolarment biex jitwasslu u jinġabru t-tfal li jattendu fiha.  Bħal kif dejjem isir fi proġetti ġodda, il-kindergarten se tkun kompletament aċċessibbli għal persuni b’diżabilita’.

Fl-ewwel fażi tal-proġett ġew miżjuda numru ta’ klassijiet u sar xogħol ta’ madum, aperturi, dawl u ilma, tibjid, networks tal-kompjuter, għamara ġdida u l-installazzjoni ta’ platform stairlift.  Sadattant kienu bdew id-diskussjonijiet mal-MEPA biex l-FTS ittella sular ġdid fuq il-bini eżistenti u biex jiġi allokat l-ispazju għall-kindergarten il-ġdida.  

Wara li fil-bidu ta’ Marzu l-MEPA ħarġet il-permessi biex jinbena s-sular il-ġdid, il-FTS mill-ewwel bdiet ix-xogħol u fi żmien rekord ta’ xahar bniet is-sular il-ġdid u issa bdiet ix-xogħlijiet fuq l-elettriku u xogħlijiet oħra ta’ finitura biex kemm jista’ jkun malajr l-iskola tkun tista’ tibda tuża l-faċilitajiet il-ġodda għall-istudenti.  Din il-fażi tinkludi wkoll l-istallazzjoni ta’ lift ġdid. 

L-ewwel żewġ fażijiet tal-proġett se jkunu fissru investiment ta’ ftit anqas minn Lm 150,000 li se jkunu taw lill-iskola aktar spazji milli kien maħsub fil-proġett oriġinali. Dan kien stmat li jiswa man-nofs miljun lira għal seba’ klassijiet bil-biċċa l-kbira ta’ l-ispejjez imorru f’xogħol ta’ skavar li l-volum tiegħu kien akbar mill-volum tal-bini oriġinali ta’ l-iskola. B’ippjanar tajjeb l-FTS qed twettaq proġett li jagħti aktar faċilitajiet u li s’issa fisser tnaqqis fl-ispiża ta’ Lm 350,000.

Il-Ministru Louis Galea qal li bl-estensjoni li qed issir bħalissa l-iskola se jkollha l-ispazji kollha li għandha bżonn sa l-2010 skond il-previżjonijiet li għandha d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni.  “Madankollu fl-aħħar fażi tal-proġett għal din l-iskola, l-FTS se tkun qed tibni Kindergarten ġdida li filwaqt li tipprovdi spażji u aċċess aħjar għal dawn it-tfal se toħloq aktar spazju għal klassijiet u spazji oħra fil-livell primarju.  Flimkien mal-kindergarten, l-aħħar fażi tinkludi wkoll it-titjib tal-faċilitajiet rikreattivi u t-tisbiħ ta’ l-ambjenti kollha ta’ l-iskola.  Meta jitlesta l-proġett, anke l-iskola ta’ M’Scala tkun kisbet l-istandards ta’ ‘Skola ta’ Għada’, skola b’ambjent tajjeb u standard għoli li jħeġġeġ it-tagħlim.”

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow