ŻVILUPP TURISTIKU MARBUT MAL-BAĦAR MADWARNA
Meta zar xogħol ta’ tisbiħ u titjib li qed issir fil-Mediterraneo Marine Park f’Baħar iċ-Cagħaq, il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech qal li fl-istrateġija tal-Gvern biex nattiraw lejn pajjiżna aktar turisti kien hemm fuq quddiem it-titjib tal-prodott mhux biss fil-lukandi u r-ristoranti iżda wkoll f’postijiet ta’ divertiment, postijiet marbuta ma’ l-istorja u l-kultura ta’ pajjiżna u anke billi nipprovdu l-infrastruttura neċessarji li tmur ma’ dan il-qasam.
Il-Ministru Zammit Dimech qal l-Gvern kien qed jagħmel sehmu billi jtejjeb it-toroq, isaħħaħ is-sistema tad-dawl u l-ilma u tat-telekomunikazzjoni, billi jirriabilita u jirrestawra postijiet storiċi u billi jwettaq proġetti ta’ tisbiħ. Hu qal li f’dawn l-aħħar snin issebbħu diversi promenades f’Malta u Għawdex filwaqt li beda programm ta’ titjib fil-bajjiet.
Hu qal li l-ewwel minn dawn il-proġetti kien dak tal-bajja ta’ San Ġorġ, f’San Ġiljan, fejn b’investiment ta’ aktar minn nofs miljun lira nġabu Malta mill-Ġordan 5,000 tunnellata ta’ ramel biex tkabbret il-bajja, saru gandotti kbar għall-ilma tax-xita fuq kull naħa tal-bajja li ngħaqdu flimkien b’gandott ieħor tul il-bajja li fuqu nbena promenade, ingħataw permessi għal bini ta’ ristorant u kiosk u fuq kollox qed isir immaniġġjar tal-bajja lejl u nhar mill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu li nkariġat nies professjonali biex imexxu din il-bajja.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li proġett ieħor li qed tikkoordina l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu b’fondi ta’ l-Unjoni Ewropea kien l-upgrading u t-tisbiħ ta’ l-inħawi kollha mill-Cruise Liner Passenger Terminal, tul it-telgħa tal-Kruċifiss, Vjal Glormu Cassar u Misraħ Kastilja. Hu qal li l-Gvern flimkien mas-settur privat kien qed jagħti dehra ġdida lir-roundabouts, centre strips u nħawi oħra fejn hemm ħamrija u siġar biex pajjiżna jingħata dehra dejjem isbaħ.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li filwaqt li l-Gvern kien qed jagħti sehmu s-settur privat ukoll kien qed jaħdem biex jipprovdi dawk il-amenitajiet li jtejjbu l-prodott turistiku ta’ pajjiżna. Hu qal li l-imprenditur privat mhux nieqes mill-ideat u dawn l-ideat ħafna drabi jiżvuppahom u jesegwihom.
Francis Zammit Dimech qal li l-Mediterraneo Marine Park hu wieħed minn dawn l-inizjattivi li qed jikkontribwixxu biex jitjieb il-prodott li joffri pajjiżna. Hu qal li permezz ta’ investiment qawwi li sar fl-aħħar sentejn sar titjib lill-inħawi eżistenti bħad-Dolphinarium fejn isiru l-wirjiet tad-denfil. Id-Dolphinarium issa għandu sistema ġdida tal-ħoss u l-area ġiet kollha mgħottija.
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura qal li nbniet struttura mgħottija għal dawk li jattendu l-wirjiet popolari mill-pappagalli u mill-Iljuni tal-Baħar. Dawn huma wirjiet ikkuluriti bl-għasafar tropikali jkunu l-karattri ewlenin li juru fil-beraħ it-talenti tagħhom.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-akbar attrazzjoni f’dan il-park marittimu kienet bla dubju ta’ xejn il-laguna li hi 30 metru fid-diametru b’parti baxxa fejn in-nies jistgħu jagħmlu l-ewwel kuntatt mad-delfini. Hu qal li din il-laguna kompliet tibdel dan il-post f’attrazzjoni mill-aqwa għall-Maltin u t-turisti li jżuruna.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li f’dinja fejn ferm aktar pajjiżi li qed jaħdmu biex jieħdu parti mid-dħul li jdawwar it-turiżmu, u fejn hemm pajjiżi anke qrib tagħna ħafna li jistgħu jikkompetulna permezz tal-pagi baxxi tal-ħaddiem tagħhom u ta’ prezzijiet ferm aktar baxxi minn tagħna, biex nattiraw aktar turisti rridu bilfors intejjbu dejjem aktar il-kwalita’ u noffru dak li ħaddieħor ma għandux. Hu qal li rridu li t-turist li jiġi f’pajjiżna jżurna biex jieħu esperjenza ta’ storja, kultura u anke ta’ dak li joffri l-baħar madwarna li ħaddieħor m’għandux.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan qed jimbuttana biex nużaw aħjar ir-riżorsi finanzjarji tagħna u l-isforzi tal-marketing tagħna biex inġibu aktar turisti f’oqsma partikolari li wħud minnhom huma marbuta mal-qagħda strateġika tagħna f’nofs il-baħar Mediterran u mal-ħajja marittima.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura irringrazzja lill-Management tal-Mediterraneo Marine Park għall-inizjattiva tagħhom u awguralhom kull suċċess f’dan il-proġett li qed ikabbru u jtejbu minn sena għal oħra.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946