JIBDA JITĦADDEM L-EWWEL GRADING STATION GĦALL-PRODOTTI AGRIKOLI F’GĦAWDEX
Il-prodott agrikolu Għawdxi issa jista’ jġib prezz ferm aħjar fis-suq internazzjonali għaliex qiegħed jiġi ppreżentat bl-iktar mod attraenti u jiġi esportat direttament minn Għawdex grazzi għall-proġett ta’ grading station li tħaddem b’mod sħiħ għall-ewwel darba, dalgħodu. Dan qalitu l-Onor. Giovanna Debono, meta żaret l-istess grading station li jinsab fil-kumpless tal-koperattiva agrikola Gozitano fix-Xewkija, waqt l-ipproċessar ta’ għadd ta’ lumi li ġie esportat għall-ewwel darba direttament minn Għawdex.
Il-grading station huwa proġett li jiffaċilita ħafna l-proċess ta’ l-għażla, l-ippakkjar u ż-żamma tal-prodott agrikolu. Permezz ta’ dan l-istazzjon, minn issa ‘l quddiem il-bidwi Għawdxi qiegħed ikun mgħejjun direttament sabiex ibiegħ il-prodott tiegħu bi preżentazzjoni u kwalita` aħjar mhux biss fis-suq lokali imma wkoll dak internazzjonali. Permezz ta’ dan il-proġett ukoll, il-prodott agrikolu Għawdxi ser jibda jevita traġitt jew double handling bejn iż-żewġ gżejjer u, għalhekk, jinżamm f’kundizzjoni aħjar anke għaliex l-għażla tal-prodott agrikolu għall-esportazzjoni jista’ jsir f’Għawdex stess.
Dan il-proġett jinkludi cold store għall-prodotti agrikoli li jippermetti l-ħażna aħjar ta’ l-istess frott u ħxejjex. Fl-okkażżjoni ta’ dalgħodu, għadd kbir ta’ lumi li tkabbar f’Għawdex ġie pproċessat mill-istazzjon sabiex issa, għall-ewwel darba, dan il-frott Għawdxi ser ikun esportat. Il-proċess tal-grading jikkonsisti fil-ġabra tal-frott u l-ħaxix li jiġi kategorizzat skond id-daqs u l-kwalita`, maħsul jekk ikun hemm il-ħtieġa, jiġi ppakkjat f’kontenituri u kaxxi apposta skond id-daqs u l-kwalita`, jintefa’ fil-cold store u jiġi trasferit għall-konsum barra minn Malta fi trakkijiet apposta. Il-lumi li ġie pproċessat dalgħodu kien lumi li ma sabx konsum dirett f’Għawdex peress li din is-sena tkabbret kwantita` ħafna iktar milli rikjesta mis-suq; b’dan il-mod, il-bidwi Għawdxi ġie mgħejjun ibiegħ prodott li mhux neċessarjament kien f’pożizzjoni li jbiegħ.
Il-proġett tat-twaqqif tal-grading station ġie ffinanzjat mill-Ħames Protokoll Finanzjarju ma’ l-Italja u mill-Koperattiva Gozitano
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946