Left arrow Mur Lura

L-OPPOŻIZZJONI F’KAMPANJA KONTRA S-SERVIZZI TAS-SAĦĦA

PR0771
Date Icon 27/05/2005

Wara li l-Onor. Alfred Sant qal li ser jattakka s-servizzi tas-saħħa, ma hi sorpriża xejn li l-Onor. Michael Farrugia ħareġ imaqdar is-servizzi mogħtija mill-Isptar San Luqa.  L-Onor. Michael Farrugia, l-istess bħall-Oppozizzjoni, jipprova jpinġi stampa mill-aktar sewda tas-servizz ta’ kura.  Diversi stħarriġ fost il-poplu Malti urew li l-poplu hu kuntent bil-livell ta’ kura li tingħata fl-Isptar San Luqa.  L-Onor. Michael Farrugia jikkritika biss u ma jagħmel l-anqas l-iċken aċċenn dwar soluzzjonijiet.

L-Onor. Michael Farrugia jsemmi l-problema ta’ l-iffullar fis-swali li kull sena ikun hemm fix-xhur tax-xitwa.  Din il-problema hija kkawżata primarjament minħabba l-każijiet soċjali.  Din il-problema kienet teżisti ukoll fiż-żmien meta l-Onor. Michael Farrugia kien Ministru tas-Saħħa u solviha billi qabad il-każijiet soċjali u tefagħhom fir-Residenza San Vincenz de Paul b’konsegwenza li l-iffullar ġie trasferit minn sptar għall-ieħor. 

Kemm-il darba l-Ministeru saħaq li l-Isptar San Luqa jrid jaċċetta lil kull min ikollu bżonn il-kura.  F’pajjiżi barranin ma jiġux aċċettati pazjenti kemm-il darba l-isptar ikun mimli.  Dwar il-waiting lists is-sitwazzjoni hija dik li hi.  Ta’ min jgħid li dawn twalu mhux biss għax żdiedet id-domanda għas-servizzi imma għaliex is-suċċess ta’ l-operazzjonijiet qed iwassal biex it-talba għall-intervent issir qabel.  Din il-proċedura kabbret il-lista ta’ stennija.  Fattur ieħor hu li n-nies qed tgħix aktar. 

Dwar is-sostenibilità fis-saħħa, l-Onor. Michael Farrugia ma kienx korrett meta ikkwota dak li qal il-Ministru Deguara f’Diċembru 2004.  Dak in-nhar il-Ministru kien ikkwota x’qalet l-ex Direttriċi Ġenerali tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa dwar il-preokkupazzjoni tagħha u tal-ministri kollha tas-saħħa fejn tidħol is-sostennibbiltà tas-saħħa.  Dan hu l-oppost ta’ dak li qal l-Onor. Michael Farrugia fil-Parlament meta stqarr li l-problema tas-sostennibbiltà, lilu ma tinkwetahx. 

L-Onor. Alfred Sant spiss juri l-preokkupazzjoni tiegħu dwar iċ-ċifra ta’ LM1,000,000 fil-ġimgħa biex jitmexxa Sptar Mater Dei, filwaqt li l-Onor. Michael Farrugia ma tinkwetahx is-sostennibbiltà.  Lil min ser nemmnu?

L-Onor. Michael Farrugia jgħid li saret spiża ta’ LM1,000,000 fl-1999 għall-immodernizzar fl-Isptar San Luqa, kontra il-LM170,000 fl-2003.  X’sens jagħmel li tkompli għaddej fuq modernizzar fuq skala kbira meta sentejn oħra jiftaħ Sptar Mater Dei?  Pero’ l-Gvern qiegħed jagħti attenzjoni għall-apparat mediku.  Fil-fatt, apparat sofistikat għal Sptar Mater Dei diġa’ qiegħed jitwaħħal u jintuża fl-Isptar San Luqa.  Dan ser ikompli jsir ukoll fil-futur.

Il-kelliem ta’ l-Oppożizzjoni jikkritika n-nuqqas ta’ immodernizzar fi Sptar San Luqa u fl-istess nifs jikkritika lill-gvern li qiegħed jintroduċi sistema ta’ maniġġjar ta’ traffiku fl-Isptar San Luqa u n-nefqa li ħareġ il-gvern biex dan jista’ jsir.

L-Onor. Michael Farrugia jrid jiddeciedi jekk hux favur li l-Isptar San Luqa jitmexxa b’aktar ordni.  Hu għażel apposta biex jagħmel konferenza stampa quddiem l-isptar fl-istess jum li fih tħabbar it-tibdil tal-parkeġġ fl-isptar.  Dan hu biss prova li l-Onor. Michael Farrugia u l-Oppożizzjoni moħħhom biss biex ipinġu stampa sewda u jippoliticcizzaw settur tant sensittiv.

Minkejja t-tfixkil, il-Ministeru tas-Saħħa ser jibqa’ jistinka biex il-poplu jibqa’ igawdi mis-servizzi ta’ kura ta’ l-ogħla livell.  Kollox juri li dan qiegħed jinkwieta bil-kbir lill-Oppożizzjoni u għalhekk l-Onor. Alfred Sant iddikjara kampanja kontra dan is-settur.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow