INAWGURAT ĊENTRU TA’ DISTRIBUZZJONI F’ĦAL-KIRKOP
L-Onor. Austin Gatt, Ministru għall-Investiment, Industrija u t-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni, inawgura Ċentru ta’ Distribuzzjoni f’Ħal Kirkop li hu s-sbatax-il wieħed ikkummissjonat fil-gżejjer Maltin. Il-postijiet ta’ dawn iċ-Ċentri ta’ Distribuzzjoni huma magħżulin strateġikament sabiex iservu bħala punti essenzjali fis-sistema tad-distribuzzjoni ta’ l-elettriku.
L-iskop ta’ dawn iċ-Ċentri ta’ Distribuzzjoni, huwa li d-distribwizzjoni ta’ l-elettriku issir fuq bażi lokali lil aktar minn elf ‘substation’ mifruxin madwar bliet u rħula, kif ukoll f’żoni kummerċjali u industrijali.
Il-bżonn għal Ċentru ta’ Distribuzzjoni f’Ħal Kirkop inħass meta l-fabbrika ta’ ST Microelectronics bdiet tespandi b’rata mgħaġġla u s-sorsi ta’ distribuzzjoni ma baqgħux adekwati. Fil-fatt, il-fabbrika ta’ ST Microelectronics, flimkien ma’ l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-fabbrika tal-Multigas u Ħal-Kirkop kienu jinqdew b’żewġ circuits ta’ 11KV miċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni tan-Nofsinhar fil-Marsa u miċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni ta’ Ħal Far.
Għaldaqstant inħass bżonn ta’ sors adekwat għal Ħal Kirkop, u għalhekk twaqqaf iċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni f’Ħal Kirkop. Il-bini taċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni huwa viċin ħafna tal-fabbrika ST Microelectronics, li se jibbenifikaw l-aktar minn dan il-proġett.
Il- Ministru Gatt spjega li l-ispejjeż tal-proġett kienu maqsumin bejn l-Enemalta u l-Malta Industrial Parks, li pprovdew l-art għaċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni u ħadu ħsieb civil works skond id-disinji ta’ Enemalta. “Dan hu investiment ieħor tal-Gvern fl-industrija Maltija” kompla Austin Gatt.
Il-Ministru Austin qal li dan iċ-ċentru jrid jittieħed fil-kuntest ta’ l-investiment kollha li qed tagħmel l-Enemalta biex tgħin l-industrija billi ssaħħaħ id-distribuzzjoni. Din is-sena biss (2005), l-Enemalta qed tonfoq Lm7,090,000 f’investimenti kapitali biex tissaħħaħ id-distribuzzjoni. Bejn 1999 u 2004 investjena Lm22 miljun fid-distribuzzjoni!
Fid-diskors tiegħu l-Ministru Gatt spjega li d-domanda għall-elettriku mill-industrija żdiedet fi 23 sena (1980-2003) b’286%. Tradizzjonalment id-djar privati kienu jitolbu enerġija (33%) bejn wieħed u ieħor daqs kemm titlob l-industrija (34%) bil-kummerċ jitlob it-terz l-ieħor (33%). It-tendenza llum inbidlet. Waqt li fi 23 sena (1980-2003) id-domanda għall-elettriku mill-industrija żdiedet b’286%, id-domanda mid-djar privati żdiedet b’404% Fi kliem ieħor id-djar privati llum jużaw enerġija ĦAMES DARBIET AKTAR milli kienu jużaw 20 sena ilu.
Il-Ministru Gatt saħaq li l-Gvern jifhem li l-industrija timpjega n-nies u fejn jista’ l-Gvern qed jgħinha. Il-capping fuq il-fuel surcharge waħdu għall-qasam industrijali qed jiswa lill-Gvern, bir-rati attwali, Lm1.27 miljuni kull sena. Dan, apparti Lm420,000 kull sena għal-lukandi.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946