Left arrow Mur Lura

IKTAR ĦIDMA GĦAL PREVENZJONI MILL-GĦARGĦAR

PR0767
Date Icon 27/05/2005

Ix-xogħlijiet relatati ma’ prevenzjoni mill-għargħar fit-tramuntana ta’ Malta, mwettqa fl-2004 mill-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura ħallew riżultati sodisfaċenti. Minkejja l-kwantita’ kbira ta’ xita li kellna fix-xhur tax-xitwa, il-problemi ta’ għargħar fl-inħawi ta’ Burmarrad naqsu b’mod sostanzjali, grazzi għal dawn ix-xogħlijiet.  

Fis-sena 2004 sar xogħol ta’ tindif f’bosta widien fl-inħawi ta’ Burmarrad, il-Mosta, Għajn Riħana, l-Imselliet u l-Imġarr. Hawn tnaddfu kilometri ta’ widien minn eluf ta’ tunnellati ta’ terrapien, skart mormi illegalment u veġetazzjoni. Dan il-materjal kien qed jimblokka l-isfog ta’ l-ilma u għal bosta snin ħoloq inkonvenjenti kbar għar-residenti u sewwieqa li jgħaddu mill-inħawi. Bosta minn dawn il-widien kien ilhom ma jitnaddfu ’l fuq minn tletin sena.  

Il-Ministru Ninu Zammit qal li għal din is-sena huma pjanati aktar xogħlijiet immirati sabiex jipprevjenu l-għargħar. Diġa’ nbdiet il-ħidma ta’ tindif f’Wied Irmiedi, limiti ta’  Ħ’Attard filwaqt li fil-ġimgħat li ġejjin għandu jinbeda x-xogħol sabiex jerġa’ jinbena l-wied li minn Burmarrad jwassal għas-Salini.  

Waqt li żar ix-xogħlijiet ta’ tindif u restawr tas-Sukkursu tas-Salini, il-Ministru Ninu Zammit qal li dan ix-xogħol huwa ħolqa fil-water storm project li għandu l-għan li jkun ta’ prevenzjoni mill-għargħar fit-Tramuntana ta’ Malta. Ix-xogħlijiet huma mmirati li jsolvu l-problema ta’ staġnar f’tas-Sukkursu u l-problemi ta’ sfog ta’ l-ilma tax-xita minn Burmarrad, li hemm marbuta ma’ dawn l-inħawi. Din is-sistema ta’ ċirkolazzjoni naturali ta’ l-ilma ma baqatx taħdem minħabba l-kwantita’ kbira ta’ ħama, alka u skart li nġema fl-inħawi matul is-snin. Din il-korsa ta’ l-ilma qeda’ għalhekk terġa’ tinfetaħ mill-ġdid.  

Dan ix-xogħol għandu jiffaċilita l-isfog ta’ l-ilma tax-xita minn Burmarrad għal ġol-bajja tal-Qawra. Ix-xogħol jikkonsisti wkoll f’restawr ta’ ħitan li jiffurmaw il-kanali eżistenti ħalli dan il-post ikun jista’ jservi wkoll bħala lok ta’ rikreazzjoni.   

Il-Ministru Ninu Zammit qal li t-tul tal-kanal li se jitħammel ilaħħaq it-875 metru. B’kollox minn dan is-Sukkursu għandhom jitneħħew ma’ l-20,000 metru kubu ta’ materjal, li jinkludi ħama, alka u skart. Ix-xogħlijiet qegħdin jitwettqu minn kuntrattur privat b’superviżjoni tal-Periti fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow