Left arrow Go Back

TINFETAĦ IT-TIENI TRIQ LI NBNIET MILL-ĠDID BIL-FONDI TAL-PROTOKOLL TALJAN

PR0754
Date Icon 26/05/2005

Dal-għodu nfetħet għat-traffiku t-tieni triq li nbniet mill-ġdid bħala parti mill-proġett li qed jiġi ffinanzjat mill-fondi tal-Ħames Protokoll Finanzjarju bejn Malta u l-Italja.  

Wara l-ftuħ ta’ parti minn Triq l-Imdina li tgħaqqad Ħaż-Żebbuġ ma’ Ħal Qormi l-ġimgħa l-oħra, illum kien imiss li tinfetaħ parti oħra minn din l-arterja li tgħaqqad Ħaż-Żebbuġ mar-Rabat b’tul ta’ 2.2 kilometri. Għalkemm it-triq ser tinfetaħ kollha, mhux ser ikun hemm aċċess għal Ħal Qormi minnha.  

Waqt żjara li għamel dal-għodu, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, Jesmond Mugliett qal li din it-triq hija waħda minn ġenerazzjoni ġdida ta’ toroq li qed jinbnew skond l-ogħla livelli fil-kostruzzjoni tat-toroq. Fil-fatt, minbarra li ġew iddiżinjati biex jitnaqqas it-tidwir fihom, dawn qed jużaw ukoll żrara mpurtata li meta mħallta mat-tarmac, twassal għat-tnaqqis sostanzjali fl-iskidding. Dawn it-toroq ġodda qed jinbnew biex iservu bejn 20 u 30 sena.  

“L-investiment ta’ Lm1.3 miljuni li sar f’din it-triq huwa investiment fis-sod. Triq l-Imdina kienet magħrufa għall-iskossi li kien fiha, tant li kulħadd kien jevita li jgħaddi minnha meta seta’. Mil-lum, Triq l-Imdina ser issir magħrufa bħala waħda mill-aqwa toroq li għandna f’pajjiżna. Barra minhekk dalwaqt ser inkunu nistgħu ngħidu l-istess għal 13-il kilometru ta’ toroq ġodda oħra, li ser jinfetħu bejn issa u Settembru li ġej,” qal il-Ministru Mugliett.  

Ix-xogħol estensiv li sar fuq din il-parti ta’ Triq l-Imdina sar mill-Kuntrattur Taljan F.lli Basillotta Srl flimkien ma’ numru ta’ kuntratturi Maltin.  

It-triq kienet inqalgħet mill-qiegħ biex setgħet titpoġġa bażi tajba li żżommha milli tisfronda għal għexieren ta’ snin. B’kollox tqegħdu mat-30,800 metru kwadru jew 620 vjaġġ ta’ trakk tarmak. Il-ħxuna tat-tarmak tlaħħaq it-18-il ċentimetru.  

Intant kienet stallata sistema ta’ stormwater culverts biex l-ilma tax-xita jinġarr ’l bogħod mill-wiċċ tat-triq. Ġew imqegħda wkoll 6.6 kilometri ta’ mains ta’ l-ilma, 2 kilometri ta’ mains ta’ l-elettriku u 8.8 kilometri ta’ ducting għal servizzi bħal telefon u cable television. Il-Ministru Mugliett irringrazzja lill-Korporazzjonijiet u Awtoritajiet responsabbli mis-servizzi għall-koperazzjoni li wrew matul ix-xogħol.  

Ittieħdu miżuri oħra biex tittejjeb is-sigurtà ta’ din it-triq li kienet magħrufa wkoll għal kemm kienet mudlama matul il-lejl. Dawn jinkludu t-twaħħil ta’ 65 arblu tad-dawl ġodda biex il-karreġġjati jkunu jistgħu jinxtegħlu bil-lejl u l-istallazzjoni ta’ crash barriers matul il-parti l-kbira tat-triq.  

Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq qal li minkejja li l-Gvern qed jagħmel kull ma jista’ biex jitħaffu dawn ix-xogħlijiet sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent lill-pubbliku, fl-istess ħin mhux qed jinqatgħu kantunieri fejn tidħol il-kwalità tax-xogħol.  

“Eżempju ċar ta’ dan hija propju din it-triq. Fil-fatt il-kuntrattur ingħata ordni biex jibdel l-aħħar 600 metru tas-saff ta’ fuq tat-tarmak fuq il-karreġġjata li  minn Ħaż-Żebbug tagħti lejn ir-Rabat u dan wara li t-triq falliet milli tgħaddi mit-test tal-longitudinal regularity. Din hija xhieda għas-serjetà li l-Gvern qed jimxi biha f’dan il-proġett,” żied jgħid il-Ministru.  

Il-Ministru Mugliett qal li mhux biss qed jinbnew toroq ġodda li wieħed jieħu pjacir isuq fuqhom, iżda qed tingħata attenzjoni għal dettalji bħal landscaping li ser ikun qed jitlesta fuq Triq l-Imdina fil-jiem li ġejjin.  

Il-Ministru Mugliett innota li bil-ftuħ ta’ din it-triq, it-tul totali ta’ toroq ġodda ewlenin li nfetħu fl-aħħar għaxart ijiem tela’ għal 5.4 kilometri. Hu żied jgħid li dan huwa erba’ darbiet daqs kemm infetħu toroq arterjali fiż-żmien il-Gvern immexxi mill-Partit Laburista bejn l-1996 u l-1998.  

“L-għan aħħari tagħna huwa li ntellgħu l-livell tat-toroq tagħna f’kull aspett,  biex ikollna toroq li joffru esperjenza ta’ sewqan aħjar, aktar sigurtà u li jżidu l-effiċjenza tas-sistemi tat-trasport bl-art f’pajjiżna. U dan sabiex il-poplu Malti jgħix aħjar,” temm jgħid il-Ministru Mugliett.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow