Left arrow Go Back

TINBEDA L-AĦĦAR FAŻI TA’ XOGĦLIJIET FL-IMDINA

PR0748
Date Icon 25/05/2005

Il-Belt storika ta’ l-Imdina qed tingħata dehra ġdida bil-ħidma tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, dehra li tixraq lil Belt kapitali antika ta’ pajjiżna. Meta żar il-proġett, l-Ministru Ninu Zammit, qal li x-xogħlijiet fuq dan il-proġett issa daħlu fl-aħħar fażi tagħhom.  

Il-pavimentar tat-toroq sekondarji u l-isqaqien wassal sabiex jingħata bidu għall-aħħar fażi ta’ xogħlijiet. Din tinkludi l-pavimentar tal-pjazez u t-toroq prinċipali. Flimkien mal-ġurnalisti, l-Ministru Zammit żar ix-xogħol ta’ pavimentar li għaddej fil-Pjazza San Pawl, liema pjazza tinsab quddiem il-Kattidral. F’din il-pjazza jrid jitpoġġa madwar 1,600 metru kwadru ta’ pavimentar. Fil-preżent għaddej ukoll xogħol ta’ pavimentar fi Triq is-Seminarju. Qed isiru wkoll  xogħlijiet ta’ servizzi ta’ drenaġġ fi Triq Inguanez u Triq San Pawl fuq medda ta’ madwar 270 metru.  

Ix-xogħol ta’ pavimentar inbeda wara li s-servizzi tad-dawl u tad-drenaġġ ġew mibdula u mgħoddija minn taħt l-art. Tneħħew ukoll l-cables tal-Maltacom u tal-cable television u dawn illum huma mgħoddija minn taħt il-pavimentar f’casing apposta. Issahhet il-provvista ta’ l-elettriku bl-istallazzjoni ta’ feeder pillars. Dawn għandhom jippermettu distribuzzjoni aħjar ta’ l-elettriku kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-istreet lighting.  

Il-Ministru Zammit qal li diġa sar ‘l fuq minn 5,600 metru kwadru ta’ pavimentar. Diġa nħadmu 460 manhole covers minn 600 li jinkludi l-proġett. Il-Ministru Ninu Zammit semma’ d-diffikultajiet li kien hemm sabiex wieħed jaħdem b’makkinarju u jgħaddi b’inġenji fi sqaqien u toroq dojoq.  

Meta mistoqsi fuq il-fdalijiet arkeoloġiċi li nstabu fl-inħawi ta’ Pjazza San Pawl u id-dewmien li dawn setgħu ikkawżaw, il-Ministru Zammit qal “x-xogħlijiet twaqqfu kull meta nstabu xi fdalijiet storiċi sabiex jippermettu spezzjonijiet mill-esperti, kif titlob il-liġi. Hekk kif sar fi proġetti oħra mwettqa mill-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura bħal Paceville, il-Barrakka ta’ Fuq, Dawret il-Gżejjer - Buġibba, u ir-restawr ta’ l-Akwadotti, qed isir kull sforz possibli sabiex l-inkonvenjent għar-residenti u n-negozjanti tal-madwar ikun wieħed minimu.”  

Ir-restawr tas-swar li jdawru l-Imdina huma wkoll fil-pjanijiet tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Issa li Malta hija meqjusa bħala ‘stat’ taħt ‘Objective 1’ sas-sena 2013, diġa nbdiet il-ħidma biex issir applikazzjoni għal fondi strutturali biex jiġu restawrati l-fortifikazzjoniet tal-Belt, Floriana, Kottonera, kif ukoll l-Imdina.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow