ICT STUDENTS’ PLACEMENT PROGRAMME
Il-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni, Austin Gatt llum nieda inizjattiva li permezz tagħha l-ħaddiema ta’ l-IT tal-futur ikunu iktar kwalifikati u kapaċi bl-esperjenza tagħhom jissodisfaw il-bżonnijiet dinamiċi tas-settur privat.
L-ekonomija tista’ tiżviluppa jekk tkun mogħnija b’biżejjed individwi kwalifikati akkademikament u kompetenti. Is-settur ta’ l-IT huwa relattivament ġdid iżda hu wieħed mill-iktar setturi kompetittivi, produttivi, u promettenti fl-ekonomija Maltija. Illum għandna madwar 200 kumpanija li qed topera fis-settur tat-teknoloġija li qed jimpjegaw bejniethom 6,000 ruħ. Żewġ terzi tal-valur miżjud tagħhom (€47,00 kull impjegat) issarraf fi qliegħ li jagħmel dan is-settur wieħed mill-aktar validi għall-ekonomija tagħna.
Hekk kif Malta qed tiżviluppa f’soċjetà ta’ l-informazzjoni b’pass mgħaġġel, ser ikun hemm bżonn ikbar ta’ professjonisti u esperti fl-IT. Id-disponibbiltà ta’ influss kostanti ta’ speċjalisti ta’ l-ICT huwa prerekwiżit għat-tkattir ta’ l-investiment minn kumpaniji barranin f’Malta. Hija realtà li nvestituri jfittxu swieq ta’ xogħol li joffru gradwati fl-IT li huma flessibbli u bi kwalifiki speċifiċi rikjesti mill-industrija.
Huwa għan dikjarat tal-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni li nagħtu lill-industrija 500 gradwat ġdid speċjalizzat fl-IT x’jimpjegaw. Jekk tgħodd ukoll tħejjija rilevanti bħall-inġinerija, l-MCAST u l-Università bħalissa qed iħejju bejniethom 1,500 student li huma l-aqwa invit għal min irid jinvesti minn barra.
Il-Ministru Austin Gatt spjega li r-rwol ta’ l-edukazzjoni huwa kruċjali. In-numru ta’ studenti f’Malta huwa inkoraġġanti. In-numru preżenti ta’ l-istudenti li qed jieħdu korsijiet ta’ livell ta’ diploma u degree l-Universita’ u l-MCAST hu ta’ 1,027. Hemm ukoll aktar minn 500 studenti li qed jistudjaw għaċ-ċertifikazzjonijiet akkreditati minn CISCO u Microsoft.
Iżda l-esperjenza akkademika weħidha ma tħejjiex impjegati lesti u tajbin. Investitur irid nies imħarrġa u jridhom ukoll b’esperjenza valida fuq ix-xogħol.
Għaldaqstant permezz ta’ din l-inizjattiva, qed invaraw programm biex inpoġġu studenti ta’ l-IT f’impjiegi temporanji ma’ l-industrija. L-oġġettiv ta’ dan il-programm prinċipalment huwa li jżid il-possibbiltajiet ta’ l-istudenti ta’ l-IT li jsibu xogħol fil-futur billi noffrulhom l-opportunità li jieħdu esperjenza ta’ xogħol relatat ma’ l-IT temporanjament. Fl-istess ħin ngħinu biex nissodisfaw il-bżonnijiet temporanji tas-settur privat ta’ l-IT.
L-istudenti eliġibbli huma l-istudenti li qed jattendu kors ta’ l-IT fuq bażi regolari l-MCAST jew l-Università. Il-perjodu ta’ xogħol huwa min-nofs Lulju sa nofs Settembru 2005. Kull student ser jitħallas għax-xogħol li ser jagħmel.
Skond it-tip ta’ xogħlijiet li ser jiġu offruti u l-kwalifikazzjonijiet u l-kapaċitajiet rikjesti mill-istess postijiet tax-xogħol, l-istudenti ser jintgħażlu skond x’kors qed jattendu, ir-riżultati ta’ l-eżamijiet, u esperjenza ta’ xogħol.
Numru ta’ postijiet temporanji ta’ xogħol għall-istudenti ser ikunu offruti mill-Vertical Strategic Allies tal-Gvern (Microsoft, Oracle, HP), minn entitajiet mis-settur pubbliku li għandhom dipartimenti ta’ l-IT, u mill-MITTS. Il-Ministru Austin Gatt ħeġġeġ lis-settur privat ta’ l-IT biex jipparteċipa fil-programm, u jipprovdi numru ta’ postijiet tax-xogħol temporanju fl-IT għall-istudenti.
Dawk il-kumpaniji li huma nteressati li jipparteċipaw għandhom jikkuntattjaw lill-Kamra tal-Kummerċ u l-Federazzjoni ta’ l-Industrija biex jesprimu l-interess tagħhom sa l-10 ta’ Ġunju. Sadanittant il-Ministru Gatt ħabbar li mis-sena d-dieħla, in-numru ta’ postijiet tax-xogħol temporanji għall-istudenti ser ikun offruti mill-industrija ta’ l-ICT bħala parti mis-sistema ta’ xiri tal-Gvern (Procurement). Il-kumpaniji privati li ser joffru s-servizzi tagħhom lill-Gvern, ser ikunu obbligati li joffru post tax-xogħol wieħed għal kull Lm16,000 f’servizzi li joffru lill-Gvern.
Is-settur privat huwa mistieden li jingħaqad mal-Gvern biex insaħħu l-kwalità tal-ħaddiema futuri ta’ l-IT (li jrid jimpjega l-istess settur privat). L-isforz ta’ l-istituzzjonijiet edukattivi huwa neċessarju, kif ukoll l-isforz u l-parteċipazzjoni tas-settur pubbliku u privat. L-esperjenzi ta’ tagħlim ta’ l-istudenti ta’ l-IT huwa f’idejna, u dan il-programm huwa opportunità unika sabiex nagħmlu din l-esperjenza iktar effettiva u ta’ suċċess għall-istudenti.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946