GĦARFIEN LIL MIN JIKKONTRIBWIXXI GĦALL-QAWMIEN KULTURALI F’PAJJIŻNA
Il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti fl-2003 nieda il-Premju Għarfien Kulturali. Fiċ-ċerimonja li nżammet fit-28 ta’ Ottubru, 2003 il-premju ingħata lill-antropologu Jeremy Bossevain u lill-artisti veterani Maltin Antoine Camilleri u Gabriel Caruana. Dan l-avveniment se jkun wieħed ta’ kull sena.
Din is-sena il-Premju Għarfien Kulturali ser jingħata lil Patri Albert Borg, kompożitur, għalliem u għal bosta snin Maestro di Cappella tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann; lil Alfred Chircop, pittur; u Karmen Azzopardi, attriċi.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech għamel il-preżentazzjoni lil Patri Albert Borg, Alfred Chircop u Karmen Azzopardi waqt serata li ttellgħet fis-sala ewlenija tal-Kavallier ta’ San Gakbu – Ċentru għall-Kreattività, fil-belt Valletta. Matul is-serata l-Professur Joe Friġġieri qara profil ta’ Karmen Azzopardi li wara rreċtat silta mill-parti ta’ Jokasta mid-dramm Grieg “Il-Feniċi” ta’ Euripide, maqlub u addatat minn Lino Farrugia.
Mro. Dr. Dion Buhagiar ta l-profil ta’ Patri Albert Borg segwit mill-kor Collegium Musicum li taħt id-direzzjoni ta’ l-istess Mro. Dion Buhagiar kanta ‘a cappella’ kompożizzjoni korali ‘veni electa mea’ ta’ l-istess Patri Albert Borg.
Ir-Rev. Prof. Peter Serracino Inglott ta l-profil ta’ Alfred Chircop. Fl-aħħar tas-serata l-kor Collegium Musicum taħt id-direzzjoni ta’ Dr Mro. Dion Buhagiar kanta kompożizzjoni korali oħra Victinae Paschali Laudes ta’ Patri Albert Borg.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech ippreżenta l-premjijiet lir-rebbieħa tal-“Premju Għarfien Kulturali 2004”. Hu qal li r-rikonoxximent min-naħa ta’ l-Istat Malti, permezz tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, lil dawk li taw sehemhom biex il-kultura u l-arti f’pajjiżna jissaħħu kien ta’ min ifaħħru u jinkoraġġieh għaliex juri li l-ħidma ta’ dawn l-artisti mhux biss qed tiġi apprezzata iżda wkoll ippremjata.
“Matul is-snin pajjiżna pproduċa artisti fl-oqsma kollha ta’ l-arti u l-kultura. Dawn taw sehemhom biex kabbarna l-identita’ tagħna li kienet l-aktar aspett fundamentali tul il-mixja tagħna biex sirna Stat Sovran u Indipendenti,” qal il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura.
Francis Zammit Dimech qal li l-identita’ tagħna kompliet tgħinna biex ħadna postna fost il-25 Stat membru ta’ l-Unjoni Ewropea. “ Malta fl-Unjoni Ewropea għandha l-Malti bħala l-lingwa uffiċjali ta’ l-UE. Malta fl-Unjoni Ewropea tikkwalifika għal għajnuniet biex tissaħħaħ il-kultura u l-identita’ tagħna,” qal il-Ministru Zammit Dimech. Hu awgura lill-Patri Albert Borg, lil Alfred Chircop u lil Karmen Azzopardi aktar ħidma b’risq il-kultura tagħna li kienet tagħżilna minn kull nazzjon ieħor u li kienet l-aqwa reklam għal pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946