INŻOMMU ĦAJJIN ESPERJENZI KULTURALI MGĦODDIJA
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech indirizza konferenza ta’ l-aħbarijiet dwar il-Festival tal-Għana fit-Teatru tal-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-belt Valletta . Il-Festival Nazzjonali tal- Għana ser jinżamm għat-tmien sena konsekuttiva fil-Ġonna ta’ l-Argotti bejn is-27 u d-29 ta’ Mejju, 2005.
Il-Festival Nazzjonali tal-Għana jiġbor l-esponenti ta’ l-aqwa talent Malti f’dan il-qasam tal-folklor li għal tlett ijiem jallegraw lill-pubbliku b’ għana , makkjetti u daqq. Din is-sena l-festival se jkollu bħala għan prinċipali li jippromwovi gruppi Maltin. Tul it-tlett ijiem se jkun hemm grupp partikolari f’kull jum: il-Grupp Nafra mmexxi minn Rueben Zahra , il -grupp Etnika mmexxi minn Andrew Alamango u l-Grupp Mużifolka mmexxi minn John Tanti.
Il-Festival tal-Għana ta’ din is-sena se jkun iddedikat lil Gużè Cassar Pullicino li miet din is-sena. Gużè Cassar Pullicino iddedika ħajtu għall-istudju tal-folklor Malti.
Fil-Festival tal-Għana ta’ din is-sena se jieħdu sehem ukoll gruppi minn Sqallija, l-Italja u t-Tuneżija.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Festival tal-Għana sar parti importanti mill-almanakk ta’ attivitajiet kulturali li qed isaħħu l-identita’ tagħna. “Attivitajiet kulturali bħall-Festival tal-Għana jsaħħu l-identita’ tagħna. Dan hu importanti li nagħmluh aktar u aktar illum li aħna parti minn Unjoni Ewropea ta’ 25 nazzjon li hi marbuta li tirrispetta l-kultura u l-identita’ ta’ l-Istati Membri,” qal il-Ministru Zammit Dimech.
Francis Zammit Dimech qal li l-għana hu aspett dinamiku tal-kultura tagħna għaliex jipprovdi sessjoni ħajja ta’ mużika, kanzunetta u esekuzzjoni. Hu qal li l-Festival tal-Għana jiġbor l-aqwa talenti Maltin li permezz tal-għana jirrakontaw l-istorja b’mod li jifihma kulħadd.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li kien xieraq li l-Festival tal-Għana ta’ din is-sena ikun dedikat għal Gużè Cassar Pullicino li tant ħadem biex jagħti l-ħajja mill-ġdid lil drawwwiet imgħoddija li ħafna minnhom kienu ntesew għal kollox. “Cassar Pullicino ikkontribwixxa bis-sħiħ fl-isfera tal-folklor mhux biss bil-pubblikazzjoni ta’ artikli u studji ta’ natura storika iżda anke bir-riċerka li wettaq li kienet l-aktar ħaġa li tolqtok tal-karriera tiegħu,” qal il-Ministru Francis Zammit Dimech. Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-pubblikazzjonijiet ta’ Cassar Pullicino “Studies in Maltese Folklore” fl-1976 u “Studio di Tradizione Popolare Maltese” fl-1989 huma ġabra ta’ kitba minn nies ħajjin li kienet tirrifletti l-mentalita’ popolari li mbagħad tqabblet ma’ kitba simili f’inħawi oħra tal-Mediterran. Din il-kitba wasslet biex inkunu nafu aħjar il-pajjiżi madwarna u dak li jgħaqqadna f’dan ir-reġjun u b’hekk Cassar Pullicino anke ta kontribut biex fl-ibħra madwarna jinxtered is-sliem.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li aspett ieħor ta’ dan il-festival kien dak turistiku. Hu qal li kull min iżurna jkun irid isir jafna aħjar mhux biss billi jingħata jiekol ikel Malti, iżda anke billi ikun jaf l-istorja tagħna, il-kultura tagħna u d-drawwiet tagħna. Hu qal li il-festival nazzjonali tal-Għana hu parti mid-drawwiet ta’ pajjiżna u għalhekk għandu jkun ta’ attrazzjoni turistika.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech irringrazzja u feraħ lill-organizzaturi u lill-parteċipanti ta’ dan il-festival li permezz tal-ħidma tagħhom ilkoll, esperjenzi kulturali imgħoddija qed jinżammu ħajja.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946